Lokali

Repubblika tikteb lill-Bord tal-Enemalta wara l-iskandlu tal-Montenegro

L-organizzazzjoni Repubblika bagħtet ittra lil kull membru tal-Bord tal-Enemalta dwar is-sehem tal-kumpanija fl-iskandlu tal-Montenegro. Dan wara l-ftehim bejn l-Enemalta u Cifidex li wassal għax-xiri ta’ ishma fil-proġett tal-windfarms f’Mozura.

Repubblika fakkret lil kull membru tal-Bord fl-obbligi li għandu biex iħares l-interessi tal-poplu Malti, li hu shareholder fl-Enemalta. Dan filwaqt li esprimiet li tinsab “skandalizzata” għall-mod kif il-kumpanija ħallset €10.3 miljun biex tixtri kumpanija li 18-il ġurnata wara nbigħet għal €2.9 miljun.

Repubblika kompliet li tinsab “ixxukjata” li b’dan in-negozju, il-kumpanija 17 Black ta’ Yorgen Fenech, li jinsab akkużat bl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, għamlet qliegħ ta’ €4.6 miljun mill-flus li l-poplu jħallas għall-elettriku.

L-organizzazzjoni fakkret fir-responsabbiltà li kull membru tal-Bord għandu skont il-Liġi biex jara li l-kumpanija tkun qed titmexxa sew. Għaldaqstant, appellatilhom biex jieħdu dan l-iskandlu bl-akbar serjetà, jinfurmaw lill-poplu u jaħdmu biex jirkupraw il-flus tal-kumpanija li ntużaw ħażin.

Għal dawn l-ittri, iffirmati mill-President ta’ Repubblika Vicki Ann Cremona, Repubblika rċeviet riċevuta mill-Assistent Personali taċ-Chairman Claudine Agius.