Internazzjonali

Serbja: Rebħa elettorali għall-partit fil-Gvern fost akkużi dwar tmexxija awtoritarja

L-Oppożizzjoni f’Belgrad kompliet tikkundanna l-elezzjonijiet ta’ tmiem il-ġimgħa għall-Parlament bħala ‘eżerċizzju finta’ u wara li l-President Serb, Aleksandar Vucic, iddikjara rebħa kbira għall-Partit fil-Gvern. Dan meta l-parti kbira tal-Oppożizzjoni Serba bojkottjat l-elezzjoni fost akkużi li Vucic qed jixpruna ‘sistema ta’ tmexxija awtoritarja’ fil-pajjiż.

Aleksandar Vucic qal, issa, li l-Partit Serb Progressiv (SNS) qed iħejji biex ikabbar ‘drammatikament’ id-dominju fil-Parlament ta’ Belgrad, magħmul minn 250 deputat. U waqt li Vucic innifsu ma kkuntestax,  il-President Serb għandu kontroll assolut fuq il-partit inkwistjoni li ilu fil-poter mill-2012.

Fid-diskors tar-rebħa, Vucic ftaħar dwar ‘riżultat storiku’ fejn il-partit fil-Gvern ‘rebaħ ukoll f’numru ta’ distretti li kien tilef fl-elezzjonijiet preċedenti’.

Iżda r-riżultat hu wkoll imtappan minħabba li l-elementi ewlenin tal-Oppożizzjoni ma parteċipawx fl-elezzjoni li huma fissruha bħala ‘mhix ħielsa taħt it-tmexxija ta’ Vucic’. L-Oppożizzjoni qalet ukoll li l-moviment tagħha ‘qed tingħata r-raġun fiċ-ċirkustanzi’.

Madankollu, il-partit fil-Gvern mhux se jkollu wisq avversarji fl-assemblea ta’ Belgrad fejn mistenni jikkontrolla mal-189 fost il-250 siġġu.

Il-konkorrenza fl-elezzjoni kienet taħt il-50 fil-mija li jfisser li ħarġu jivvutaw anqas Serbi min-normal. Intant, it-tnaqqis ma kienx drammatiku meta wieħed iqis il-kampanja mill-Oppożizzjoni u t-tħassib dwar il-Covid-19, fil-pajjiż.