Futbol Sport

Thomas Meunier se jkompli l-karriera fil-Ġermanja ma’ Borussia Dortmund

(Ritratt: EPA)

Rapporti minn Sky u Bild fil-Ġermanja qed jgħidu li Thomas Meunier se jibda esperjenza ġdida fil-karriera tiegħu wara li laħaq ftehim ma’ Borussia Dortmund b’kuntratt ta’ erba’ snin. Id-difensur se jingħaqad mat-tim Ġermaniż ix-xahar id-dieħel meta jintemmlu l-kuntratt il-ġimgħa d-dieħla.

Il-plejer ta’ 28 sena għażel li ma jiffirmax kuntratt qasir biex jilgħab ma’ Paris-Saint Germain fil-UEFA Champions League f’Awwissu. PSG huma wieħed mill-erba’ timijiet li kkwalifikaw mal-aħħar tmienja tal-kompetizzjoni qabel il-futbol ġie sospiż minħabba l-Covid-19.

Sa issa tħabbar li Edinson Cavani u Thiago Silva wkoll se jħallu l-klabb dan is-sajf iżda wara l-impenji tat-tim Franċiż fil-UEFA Champions League. Borussia Dortmund jilagħbu l-aħħar logħba tal-kampjonat is-Sibt li ġej kontra Hoffenheim. L-istaġun li ġej tal-Bundesliga mistenni jibda jibda fil-21 ta’ Awwissu, jumejn wara l-finali taċ-Champions League.