Sport Sport Ieħor

Wara Grigor Dimitrov, it-tennist Borna Coric ukoll għandu l-coronavirus

(Ritratt: EPA)

It-tennist ta’ 23 sena Borna Coric ikkonferma li għandu l-coronavirus, ġurnata wara li Grigor Dimitrov ukoll instab pożittiv u wassal biex ġiet ikkanċellata l-finali tal-Adria Tour f’Zadar. Coric għeleb lil Dimitrov fil-parti tal-Adria Tour fil-Kroazja, b’Dimitrov jieħu sehem ukoll fis-Serbja l-ġimgħa ta’ qabel. Hemm hu kien f’kuntatt ma’ Novak Djokovic, Alexander Zverev u Dominic Thiem li huma fost l-aqwa għaxra tad-dinja.

Dimitrov irritorna d-dar tiegħu f’Monaco wara li ma ħassux tajjeb waqt it-telfa kontra Coric u issa sar magħruf li t-tnejn irritornaw pożittivi għat-testijiet tal-Covid-19. Coric kiteb fuq instagram biex jikkonferma li hu pożittiv għal dan il-virus u ħeġġeġ lil dawk li għamlu kuntatt miegħu fl-aħħar jiem biex imorru jagħmlu t-test. Hu kkonferma li jinsab tajjeb u ma għandux sintomi.

Il-finali tal-bieraħ bejn Novak Djokovic u Andrey Rublev ġiet ikkanċellata bħala prekawzjoni biex tiġi mħarsa s-saħħa tal-parteċipanti u l-ispettaturi. Dan it-tournament ġie organizzat minn Novak Djokovic f’mument fejn it-tennis internazzjonali jinsab sospiż minħabba l-Covid-19.

L-Adria Tour hu avveniment ta’ karità li kien skedat isir fil-pajjiżi tal-eks Jugoslavja. Dominic Thiem rebaħ l-ewwel stadju fil-kapitali tas-Serbja, Belgrad. It-tieni stadju li ma ntemmx kien qed isir fil-Kroazja, bit-tielet stadju skedat li jsir din il-ġimgħa fil-Montenegro tħassar. Ir-raba’ stadju fil-Bożnija skedat li jsir il-ġimgħa d-dieħla issa hu mistenni li jitħassar.