Internazzjonali

Ċina: Jirnexxi t-tlugħ ta’ satellita ‘bi sfida lill-GPS’

Iċ-Ċina rnexxielha ttella fl-orbita l-aħħar satellita li hi relatata mas-sistema tan-navigazzjoni BeiDou-3 u fejn kompliet tkabbar ir-reputazzjoni bħala protagonista fl-esplorazzjoni spazjali. It-tlugħ sar possibbli wara posponiment ta’ jiem minħabba problemi tekniċi li nstabu fir-rokit waqt it-testijiet inizjali

It-tlugħ tas-satellita għandha jgħin biex iċ-Ċina ma tiddependix aktar fuq il-Global Positioning System (GPS) tal-Gvern Amerikan. L-aħħar żviluppi fis-settur qed isiru fi żmien ta’ tensjoni akuta bejn dan il-pajjiż u l-Istati Uniti minħabba l-effetti tal-coronavirus, id-diżgwid dwar l-issue ta’ Hong Kong u d-differenzi fil-qasam tal-kummerċ.

Intant, in-network tan-navigazzjoni taċ-Ċina, li  jiswa mal-għaxar biljun ewro u li hu magħmul minn 35 satellita, jipprovdi sistema li tixpruna s-servizzi ta’ komunikazzjoni fuq livell globali.

Din it-tielet versjoni tas-Sistema tas-Satellita għal Navigazzjoni ‘Beidou’ (BDS) toffri alternattiva għall-GLONASS tar-Russja u s-sistemi Galileo tal-Ewropa – minbarra, sintendi, il-GPS tal-Amerikani.

Iċ-Ċina qed tippjana biex, fil-futur, tappoġġja sistema aktar integrata u aċċessibbli li mistennija tibda tiffunzjona sal-2035 – u li jkollha l-BDS bħala l-bażi.