Lokali Qorti

Homeless u taħt l-età bil-vizzju tad-droga f’rakkont ta’ swied il-qalb fil-Qorti

Rakkont ta’ swied il-qalb ġie rrakkontat fil-Qorti fejn żagħżugħ ta’ 17-il sena, mingħajr saqaf fuq rasu spiċċa l-Qorti minħabba li seraq ammont ta’ flus liz-zija ta’ ommu minħabba l-lublieba tad-droga.

Quddiem il-Maġistrat Josette Demicoli ħareġ li dan it-tifel spiċċa jorqod barra peress li l-ġenituri tiegħu u familjari oħra ma jriduhx fir-residenza tagħhom minħabba l-vizzju ta’ serq li għandu u dan minħabba li jieħu l-kokaina.

Fil-Qorti l-Maġistrat Demicoli, l-Ispettur Darryl Borg u l-Avukat tal-Għajnuna Legali Victor Bugeja għamlu l-almu tagħhom kollu fil-Qorti biex it-tfajjel jaqbad it-triq it-tajba.

Saru diversi tentattivi biex huwa jsib saqaf fuq rasu fejn anke sar kuntatt man-nanna tiegħu fil-Mellieħa u anke ma’ anzjan li joqgħod l-Imsida, fejn skont iż-żagħażugħ, dan kien anke jipprovdilu l-ikel.

Minkejja dawn it-tentattivi kollha, xorta ma nstabitx residenza, anke temporanja minkejja t-tentattivi kollha tad-difiża u l-Prosekuzzjoni. L-Avukat Bugeja talab lill-Qorti biex isir pre-sentencing report fil-konfront tal-akkużat u uffiċjal tal-probation jagħmel minn kollox biex iwittlu t-triq il-quddiem.

L-akkużat ammetta li wettaq ir-reat ta’ serq li huwa ta’ aktar minn  €233 iżda anqas minn €233 għad-dannu taz-zija ta’ ommu nhar il-Ġimgħa li għaddew. Għalissa iż-żagħżugh se jkun qed jgħix fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.