Lokali

“Id-deal tal-Montenegro qatt ma ġie diskuss fil-Kabinett” – Michael Falzon

Numru żgħir, imma sinifikanti, ta’ Ministri fil-Gvern ta’ Robert Abela m’huma kuntenti xejn bl-iskandli l-ġodda li ħerġin dwar kif saru ċertu deals fi żmien Joseph Muscat – deals li minnhom 17 Black għamlet il-miljuni.

Wiehed minn dawk li ma ddejjaqx jitkellem huwa il-Ministru Michael Falzon li ma’ Net News żvela għall-ewwel darba li d-deal tal-Montenegro QATT ma kien diskuss fil-Kabinett.

Din l-ammissjoni hija indikazzjoni ċara li kollox inħema minn Muscat, Schembri u Mizzi minn wara dahar il-Ministri l-oħra, fiż-żmien meta Robert Abela kien konsulent tal-eks Prim Ministru Joseph Muscat.

Il-kummenti tal-Ministru tal-Familja jaslu l-għada li l-Ministru tal-Enerġija Michael Farrugia ammetta li HU kien jaf bl-akkużi skandalużi li kienu qed isiru tant li kienu daħlu anke l-Europol biex jinvestigaw.

Anke d-Deputat Prim Ministru Chris Fearne kien kawt immens fil-kummenti li tana, u f’messaġġ li ma tantx jinftiehem, qal li “hemm affarijiet li mhumiex veritieri”, mingħajr ma jippreċiża għal xiex qed jirreferi.

L-istorja kollha bdiet fis-17 ta’ Dicembru tal-2015.

Dakinhar, Karl Cini ta’ Nexia BT kien bgħatt email il-Panama dwar il-kumpaniji sigrieti ta’ Konrad Mizzi u Keith Schembri, fejn insista li t-target clients se jkunu l-kumpanija Macbridge, u 17 Black tal-imprenditur Yorgen Fenech.

Għaxart ijiem wara. il-Gvern ta’ Joseph Muscat permezz ta’ Enemalta jixtri windfarms fil-Montenegro; deal illi minnu Yorgen Fenech daħħal 4.6 miljun Ewro.

Il-provi l-ġodda ppubblikati mir-Reuters u mit-Times jindikaw bic-car li l-Enemalta ħallset ‘il fuq minn 10 miljun biex akkwistat il-windfarms fil-Montenegro. Iżda il-verita’ hi, li ġimgħatejn qabel kumpanija oħra bl-isem Cifidex kienet xtrat l-istess ishma għal 2.9 miljuni. Dawn it-2.9 miljuni ġew m’għand 17 Black.

Sa Ġunju tas-sena ta’ wara, Cifidex kienu ħallsu lil 17 Black mhux biss din is-somma inizzjali, iżda wkoll profitt ta’ kważi 5 miljuni oħra. Fi kliem sempliċi, il-kumpanija sigrieta ta’ Yorgen Fenech kienet daħħlet miljuni kbar minn dan id-deal li għamel il-Gvern ta’ Muscat fil-Montenegro.

U minkejja dawn il-provi kollha, ħafna mill-Ministri tal-Kabinett tal-lum għadhom jappoġjaw lill-eks Prim Ministru tagħhom.