Il-Kummissarju l-ġdid tal-Pulizija, Angelo Gafà, is-7 Kummissarju f’temp ta’ seba’ snin, f’konferenza tal-aħbarijet li sejjaħ hu stess illum waranofsinhar, sigħat biss wara l-ħatra tiegħu f’din il-kariga, għamilha ċara li skont hu, l-Assisstent Kummissarju Ian Abdilla għamel dejjem xogħlu kif suppost.
Madankollu fid-diskors tiegħu, l-ewwel riforma li semma’ kienet propju it-tneħħija tal-istess Abdilla minn Kap tad-Dipartiment tat-Taqsima Kontra r-Reati ekonomiċi.
Gafà ħabbar li minfloku se tkun qed tieħu postu l-Assistent Kummissarju Alexandra Mamo, li wkoll ikkontestat il-kariga ta’ Kummissarju ma’ Gafà.
Mistoqsi għal darba darbtejn tlieta dwar Abdilla, Gafà qal li sa llum hu jaħseb li Abdilla dejjem għamel xogħlu kif suppost u li mhux qed jara lok għal investigazzjonijiet.
Ma naqasx li l-ġurnalisti jistaqsu lill-Kummissarju l-ġdid jekk hux se jkun komdu jinvestiga fost l-oħrajn lill-eks Kummissarju Lawrence Cutajar, lil Silvio Valletta, lill-eks Prim Ministru Muscat, l-eks Ministru Konrad Mizzi u persuni oħra bħal Keith Schembri.
Mistoqsi minn Net News jekk hux se jkun hemm tibdil fil-grad ta’ Surġenti Maġġuri, hu kkonferma li dan ir-rwol se jkun riformat, u qal ukoll li se jkun qed ineħħi l-kariga ta’ CEO, li hu propju r-rwol li kellu hu sa jum qabel.
Il-Kummissarju kkonferma wkoll li se jiddaħħlu Pulizija part-time.
Gafa’ qal li se jkun qed imexxi riforma sħiħa fil-Korp tal-Pulizija u li f’Settembru se tkun ippubblikata strateġija li tiddefinixxi kif se ssir din it-trasformazzjoni.
//= $special ?>