Lokali Parlament

It-taħriġ hu essenzjali fis-settur tax-xogħol

Karl Gouder, PN

Id-deputat Nazzjonalista enfażizza l-importanza tat-taħriġ u sostna li dan għandu jkopli matul il-ħajja biex il-ħaddiema Maltin jkunu jistgħu jieħdu l-aqwa opportunitajiet.

Fil-parlament Karl Gouder qal li s-soċjetà qed tinbidel fejn iż-żgħażagħ ta’ 16-il sena ma jibqgħux fl-istess postijiet ta-xogħol għal żmien twil. Jobsplus għandhom rwol kruċjali fit-taħriġ u anki biex persuni li jkunu jridu jibdlu x-xogħol; għalhekk it-tgħalim tul il-ħajja hu kruċjali. Jeħtieġ li wara l-pandemija jkun hemm analiżi tal-ekonomija biex ikun stabbilit x’tip ta’ ekonomija se tinħoloq.

Il-pandemija wriet li l-importazzjoni ta’ eluf ta’ ħaddiema minn barra l-pajjiż mhux l-aħjar mudell ekonomiku. Ħafna minn dawn il-ħaddiema issa telqu minn Malta; jeħtieġ li jitfassal pjan ekonomiku b’viżjoni ta’ niċeċ ekonomiċi għall-futur.

Id-deputat Nazzjonalista tkellem dwar ir-rabta bejn l-ekonomija u l-edukazzjoni u spjega kif gvern Nazzjonalista kien wetatq dan meta f’Malta ġiet l-industrija tal-avjazzjoni fejn l-MCAST kienet għamlet il-krosijiet neċessarji għall-istudenti.