Futbol Sport

Jiġi fi tmiemu l-istaġun tal-hockey wara l-laqgħa tal-Kunsill

F’laqgħa tal-Kunsill tal-Assoċjazzjoni tal-Hockey Maltija, ġie deċiż li l-istaġun tal-hockey 2019/20 jiġi fi tmiemu bil-pożizzjonijiet finali jkunu dawk kif kienu meta twaqqaf il-kampjonat kawża tal-pandemija tal-coronavirus.

B’hekk Qormi Daikin huma r-rebbieħa tan-National League, tan-9-a-side League u tal-Kompetizzjoni ta’ taħt l-14 –il sena. Gree Hotsticks kienu kkonfermati rebbieħa tal-Kompetizzjonijiet ta’ taħt is-16 u t-18 –il sena rispettivament. Fl-istess laqgħa, ġie deċiż ukoll li l-Kompetizzjoni tan-Knock-Out mhux se tintlagħab.

Minħabba s-sitwazzjoni preżenti b’rabta mal-pandemija tal-coronavirus, ġew ikkanċellati wkoll il-Kompetizzjonijiet Ewropej tal-Hockey bil-klabbs Maltin li kienu se jipparteċipaw din is-sena, Qormi Daikin u Gree Hotstick se jieħdu sehem is-sena d-dieħla.

L-Assoċjazzjoni Maltija tal-Hockey, issa se tkun qed tiffoka fuq l-istaġun 2020/21 fejn se tkun qiegħda f’kollaborazzjoni mal-klabb Olandiż HC Schiedam. Dan il-kollaborazzjoni se tkun parti mill-programm bejn il-Federazzjoni tal-Hockey Ewropeja (EFH) u l-Federazzjoni tal-Hockey Olandiża (KNHB). Bejn l-1 u s-7 ta’ Awwissu tal-2021, l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Hockey se tkun qed tospità l-EHF Men’s Championship IV Tournament.