Coronavirus Lokali Saħħa

L-ebda każ ġdid ta’ Covid-19

Għall-ewwel darba minn mindu bdiet l-imxija tal-Coronavirus f’pajjiżna kellna jumejn fuq xulxin fejn ma kien hemm l-ebda reġistrazzjoni ta’ każijiet ġodda.

Sa nofsinhar tal-lum saru ftit anqas minn elf swab test.

Dan ħareġ mill-aġġornament imxandar fuq il-paġna tal-Facebook tal-Ministeru tas-Saħħa, fejn qed tintagħżel liema informazzjoni tixxandar u mingħajr il-possibbiltà ta’ mistoqsijiet mill-media, kif kien isir sa ftit tal-ġimgħat ilu.

Skont l-aħħar aġġornament, l-ammont ta’ każi pożittivi baqa’ 665, filwaqt li dawk li fiequ telgħu għal 618.

Fl-aħħar sigħat kien hemm każ wieħed li fieq minn dan il-virus, biex issa n-numru tal-każijiet attivi huwa dak ta’ 38.

Għalkemm matul l-aħħar jiem kellna biss żewġ każi ġodda, l-appell tal-awtoritajiet tas-saħħa jibqa’ dawk ta’ “kawtela” għaliex il-virus xorta għadu fostna.