Lokali Sport

‘L-Isport f’Malta… it-Triq ‘il Quddiem’

Konferenza Nazzjonali nhar il-Ġimgħa 26 ta’ Ġunju fis-6pm

Permezz tal-Konferenza Nazzjonali li se tiġi organizzata nhar il-Ġimgħa 26 ta’ Ġunju, il-Partit Nazzjonalista se jkun qed jibgħat messaġġ ċar fost l-għaqdiet u klabbs sportivi li jinsab determinat li jfassat it-triq ‘il quddiem għall-isport f’pajjiżna.

Fi stqarrija maħruġa mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għaż-Żgħażagħ, l-Isport tul Ħajjitna, il-Volontarjat u l-Ġlieda kontra l-Obeżità, Robert Cutajar qal li dan se nkunu qed nagħmluh bla ma’ nkunu partiġġjana fil-messaġġ u l-ħidma tagħna. “Nemmnu li l-politika partiġġjana għandha titħalla barra minn dan is-settur.”

Is-suġġetti li se jkunu trattati matul din il-konferenza huma fost l-ingredjenti ewlenin fil-mixja ‘l quddiem għall-isport f’pajjiżna. Il-fondi Ewropej, il-valuri fl-isport, l-użu tal-mezzi soċjali kif ukoll il-ġlieda kontra r-razziżmu.

Din il-konferenza se tkun l-ewwel waħda minn sensiela li f’isem il-PN, Robert Cutajar se jkun qed jorganizza flimkien mal-fergħa sportiva fl-istess partit Tim Sport PN. Dan sabiex finalment jiġi ppreżentat dokument dwar pjan b’viżjoni ta’ fejn irridu nwasslu l-isport f’pajjiżna fis-snin li ġejjin bil-punt tat-tluq jibqa’ dak li għall-PN l-isport għandu jiġi elevat fuq livell ta’ ministeru u mhux jibqa’ dak kif inhu llum bħala Segretarjat Parlamentari.

Il-Konferenza Nazzjonali dwar l-Isport se tiġi organizzata nhar il-Ġimgħa 26 ta’ Ġunju fejn dawk li jixtiequ jipparteċipaw jistgħu jew jiġu fiżikament fid-Dar Ċentrali inkella jingħaqdu b’mod virtwali.

Robert Cutajar qal li huwa ta’ sodisfazzjon għalih li għal din il-konferenza filwaqt li diġà kkonfermaw li se jattendu numru ta’ għaqdiet u klabbs sportivi, se jkunu qed jattendu wkoll rappreżentanti minn Sport Malta, il-Kumitat Olimpiku Malti, l-Għaqda Ġurnalisti Sport kif ukoll il-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ.