Internazzjonali

L-Istati Uniti: L-istatwi jibqgħu mira tad-dimostranti fost l-inkwiet f’Washington

Folla kbira ta’ dimostranti f’Washington ippruvat twaqqa l-istatwa ta’ eks President tal-Istati Uniti, bil-pulizija twieġeb għall-azzjoni bl-isparar ta’ pepper spray bil-għan li tferrex lin-nies li kienu għaddejjin bi protesti kontinwi fil-kapitali Amerikana.

L-Istati Uniti, fil-preżent, għaddejja minn mewġa ta’ rallies fejn id-dimostranti qed jinsistu għal ġustizzja mal-membri tar-razzez kollha. L-għadab popolari żdied wara li, fil-25 ta’ Mejju, raġel iswed, George Floyd, tilef ħajtu waqt li kien qed jinżamm arrestat mill-pulizija f’Minneapolis, fl-Istat ta’ Minnesota.

Intant, il-pulizija f’Washington kellha biċċa xogħol diffiċli biex titfa’ lura lid-dimostranti  li taw salt biex iwaqqgħu l-istatwa tal-eks President Amerikan, Andrew Jackson. Id-dimostranti, qabel, kien laħqu rabtu l-ħbula mal-istatwa ta’ Jackson li tinsab f’Lafayette Square Park. Uħud mid-dimostranti anki laħqu żebgħu l-kelma ‘killer’ (qattiel) mal-pedestall tal-istatwa.

Andrew Jackson kien is-seba’ President tal-Istati Uniti u kellu  reputazzjoni bħala mexxej mill-aktar diviżiv. Hu kien dam imexxi pajjiżu mill-1829 sal-1837 u kien is-sid ta’ mijiet ta’ skjavi suwed. Jackson kien anki strumentali fir-rilokazzjoni sfurzata ta’ kważi 100,000 resident idiġenu tal-Istati Uniti.