Internazzjonali

L-Istati Uniti: Suldat akkużat b’kumplott fuq il-kollegi fil-militar

Suldat Amerikan spiċċa akkużat dwar reati relatati għat-terroriżmu wara li hu ippjana biex il-membri tat-taqsima militari li kien jifforma parti minnha jisfaw mira ta’ attakk qattiel.

Is-suldat, Ethan Melzer, hu akkużat b’li bagħat informazzjoni sensittiva dwar it-taqsima tiegħu lill-grupp estremista Order of Nine Angles li l-awtoritajiet Amerikani jafuh bħala ‘entità neo-Nażista li tibbaża fuq l-okkult u li hi movitata b’ideoloġija razzista u vjolenti.’

Qed ikun allegat li Melzer kien qed jippjana wkoll biex l-informazzjoni tgħaddi f’idejn il-ġellieda ġiħadisti, bil-ħsieb li huma jwettqu l-attakk fuq il-membri tal-militar. Intant, il-pjan ta’ Melzer sfuma fix-xejn, ix-xahar li għadda, wara intervent f’waqtu mill-Armata u l-aġenti mal-bureau federali tal-FBI.

Is-suldat kien spiċċa arrestat fl-10 ta’ Ġunju u qed jiffaċċja akkużi dwar kumplotti u attentati biex jinqatlu ċittadini u suldati Amerikani. Melzer qed ikun akkużat ukoll li prova jwassal appoġġ materjali lil terroristi u li kien qed jippjana l-qtil ta’ truppi Amerikani ‘il hinn mill-Istati Uniti.