Lokali

“L-istituzzjonijiet huma fraġli” – l-Ombudsman

Meta l-korruzzjoni tiġi stil ta’ ħajja, is-saltna tad-dritt tkun serjament preġudikata.

Din hija wahda mill-konkluzjonijiet li tohrog mir-rapport annwali tal-Ombudman Anthony Mifsud; rapport li jaghti ħarsa lejn is-sena 2019, u li iddeskriviha bħala sena ta’ taqlib li ġabet magħha tibdil kbir fis-soċjetà ċivili, fl-amministrazzjoni pubblika u fil-Gvern. Dawn it-tibdliet ħallew impatt kbir fuq pajjiżna.. tibdil li juri li hemm bżonn jitnaqqas l-abbuż tal-poter.

L-Ombudsman attakka l-arroganza li ġejja minn kultura ta’ impunità f’pajjiżna…u li titgawda minn dawk li għandhom rabtiet b’saħħithom mal-Gvern .

Anthony Mifsud qal li s-sena li għaddiet kienet is-sena fejn is-soċjeta ċivili saret iktar voċifera u proattiva…  riżultat tal-avvenimenti drammatiċi li esponew il-korruzzjoni li teżisti bejn negozjanti b’saħħithom u l-amministrazzjoni pubblika – b’referenza cara ghar-rabtiet li hargu fl-ahhar xhur bejn l-imprenditur Yorgen Fenech, siehbu Melvin Theuma, u personaggi fil-qalba ta’ Kastilja.

L-Ombudsman wera t-tħassib tiegħu dwar il-fraġilità tal-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna li aktar ma jgħaddi ż-żmien aktar qed juru li qed ibatu biex jassiguraw trasparenza u kontabbiltà tal-amministrazzjoni pubblika.

Filfatt l-awtoritajiet u l-istituzzjonijiet li suppost qegħdin hemm biex iħarsu s-saltna tad-dritt, instab li qed  jonqsu milli jagħmlu dan.

Mifsud qal li l-iktar inkwetanti huwa l-fatt li wara investigazzjonijiet u rapport li saru minn istituzzjonijiet internazzjonali, ħarġu dettalji tal-konnessjonijiet intrinsiċi bejn negozjanti kbar u l-amministrazzjoni pubblika fl-ogħla livell tagħha, li llum huma magħrufa li kienu l-isfond wara l-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Fir-rapport tiegħu l-ombudsman żied li liġijiet pożittivi li jsaħħu s-saltna tad-dritt, bħall-Whistle Blower Act, ġew kompletament newtralizzati b’kultura arroganti u ossessiva ta’ impunità li jgawdu minnha nies li għandhom sahha finanzjarja sostanzjali biex jinfluwenzaw id-deċiżjonijiet tal-amministrazzjoni pubblika.

L-Ombudsman jinsisti li hemm kunsens ġenerali li kellhom jittieħdu miżuri urġenti biex jitwaqqaf dan l-aġir… bi Prim Ministru ġdid li wiegħed li suppost se jagħmel il-bidliet meħtieġa filwaqt li jitkellem dwar “kontinwità”.