Internazzjonali

Malawi: Jerġgħu jivvutaw wara elezzjoni annullata

Il-poplu fil-Malawi vvota mill-ġdid għal President, sena wara r-rebħa elettorali polemikuża għall-President Peter Mutharika u wara li r-riżultat kien spiċċa annullat, kważi ħames xhur ilu. Mutharika, li qed jittama f’tieni mandat ta’ poter, qed jikkonfronta lill-kandidat Lazarus Chakwera li qed imexxi koalizzjoni fl-Oppożizzjoni.

L-elezzjoni, intant, qed terġa’ issir wara li ħarġu l-provi ta’ tbagħbis fil-voti. Sadanittant, panel ta’ imħallfin kienu deċidew biex iħassru r-riżultat tal-elezzjoni tal-2019 u jordnaw biex il-votazzjoni ssir mill-ġdid.

Il-ġudikatura tal-Malawi qed tkun imfaħħra għat-tweġiba konkreta fid-dawl tal-kriżi politika – bil-Malawi ssir it-tieni pajjiż Afrikan li ħassar ir-riżultat ta’ elezzjoni Presidenzjali minħabba irregolaritajiet, wara l-Kenja, fl-2017.

Intant, il-protesti kontra l-Gvern u l-waqtiet regolari ta’ vjolenza qed jheddu li jitfgħu lill-Malawi fi kriżi aktar profonda. Min jirbaħ l-elezzjoni se jkollu jistinka biex itaffi d-diżgwid kbir qalb is-soċjetà tal-pajjiż, minbarra li jikkonfronta issues ewlenin bħall-korruzzjoni, il-faqar u l-qgħad.