Lokali Qorti

Minn sentenza ta’ ħabs għal waħda sospiża fuq pusses u kultivar ta’ droga kannabis

Il-Qorti tal-Appell Kriminali preseduta mill-Imħallef Consuelo Scerri Herrera irrevokat sentenza ta’ ħabs effettiva għal waħda sospiża fuq pusses u kultivar ta’ droga kannabis fil-konfront ta’ Adrian Marmara minn Tal-Pietà.

Marmara li għandu 44 sena kien ġie kkundannat seba’ xhur ħabs wara li kien instab ħati mill-Qorti tal-Maġistrati li fit-22 ta’ Frar tal-2007 u qabel kellu fil-pusses tiegħu l-pjanta kannabis. Issa s-seba’ xhur ħabs ġew sospiżi għall-perjodu ta’ sentejn.

Grazzi għall-appell li ġie preżenatat mill-Avukati Franco Debono u Amadeus Cachia fuq l-Att dwar id-Dipendenza fuq id-Droga, anke fejn jidħol kultivar għall-użu personali fi kwantitajiet żgħar, u wara li Marmara għadda minn proċess ta’ bord, is-sentenza ta’ ħabs effettiva ma baqgħetx fis-seħħ.

Mill-provi prodotti rriżulta li fuq il-bejt tar-residenza ta’ Marmara kienu nstabu tliet pjanti kannabis, waħda ta’ madwar metru fit-tul, oħra ta’ madwar 20 ċentimetru u oħra ta’ madwar 18-il ċentimetru.

Fix-xhieda tiegħu Marmara kkonferma li dawn il-pjanti kienu tiegħu u li kien kabbarhom fuq il-bejt għall-użu personali. Dwar il-pjanti, huwa kien qal illi dawn kien kabbarhom biex ipejjiphom għaliex kien xeba’ jonfoq flus biex jixtri l-kannabis.

Qal ukoll li dak iż-żmien kien ‘heavy user’ tant li kien ipejjep xi 12 jew 13-il joint kuljum u ġieli anke iżjed minn hekk. Il-Qorti qalet li Marmara għandu kondotta li ftit rat bħalha.

Biżżejjed jingħad li fiha xejn anqas minn 42 faċċata. Huwa kellu xejn anqas minn 77 kundanna mill-Qrati u kien hemm xi okkazzjonijiet fis-snin sebgħin u fil-bidu tas-snin disgħin li applikaw diversi kundanni fil-konfront tiegħu, li fosthom jinvolvu multi u habs.

Il-Qorti qalet li ma tistax taqbel mal-Avukat Ġenerali li qal li s-sitwazzjoni ta’ Marmara hija waħda “irriversibbli”. Fil-fehma tal-Qorti hija l-mewt biss ii ġġib stat jew sitwazzjoni ta’ irriversibilità assoluta. Qalet ukoll li lanqas tista’ taqbel mal-fehma ta’ l-Avukat Ġenerali li Ordni ta’ Probation hu ndikat biss ghal “first offenders” żgħażagħ.

Anke fil-każ ta’ persuna ta’ età mhux żgħira u li forsi hu reċidiv, tista’ titfaċċa fil-ħajja ta’ dik il-persuna ‘a window of opportunity’ li permezz tagħha jkun jista’ jinkiser iċ-ċiklu ta’ kundanni u ta’ prigunerija.

Il-Qorti qalet li l-unika kundanna li kellu Marmara fl-aħħar snin tmur lura għas-sena 2000 u qatt ma xifer difru mal-ġustizza minn dak iż-żmien u għalhekk għal fini ta’ piena għandu jiġi kkunsidrat kważi bħala ‘first time offender’.

Sadanittant huwa kkopera bis-sħiħ mal-Pulizija fl-investigazzjoni tagħha u li issa rrijabilità ruhu kompletament mill-vizzju tad-droga kannabis, u li llum il-ġurnata huwa jgħix ħajja ta’ bżulija u għandu mpjieg regolari.

Il-Qorti ordnat id-distruzzjoni tad-droga u l-oġġetti relatati mal-użu tad-droga. Il-multa ta’ €1,300 li kienet ġiet imposta mill-Ewwel Qorti kienet konfermata.