Lokali Parlament

Nuqqas ta’ koordinament fix-xogħlijiet ta’ toroq u d-deal jinten tal-Montenegro

Toni Bezzina, PN

Waqt id-diskors tiegħu fil-Parlamet dwar l-approvazzjoni tal-estimi tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma, id-deputat Nazzjonalista Toni Bezzina irringrazzja lill-ħaddiema kollha li jaħdmu fil-Korporazzjoni għas-servizz li jagħtu lill-poplu Malti u Għawdxi, speċjalment tul il-pandemija li laqtet li pajjiżna f’ dawn l-aħħar xhur.

Hu għamel riferenza wkoll għall-fatt illi, sfortunamtament, xogħlijiet li saru fuq mains tad-drenaġġ, għalkemm dawn x-xogħlijiet ħadu xhur sħaħ biex tlestew, dawn ma laħqux il-livell mixtieq tant illi wara l-ewwel ħalba xita, spiċċajna bit-tappieri tal-ilma jogħlew pied minn wiċċ it-triq bl-ilma tad-drenaġġ. Kaġun ta’ hekk, inħoloq periklu kemm għal dawk kollha li jkunu għaddejien mit-triq bil-karozza tagħhom kif wkoll għar-residenti li jgħixu f’ din it-triq peress li spiċċaw bl-ilma tax-xita mħallat bid-drenaġġ quddiem biebhom.

Hu semma’ wkoll in-nuqqas ta’ koordinament li teżisti bejn it-taqsima responsabbli mix-xogħlijiet tad-drenaġġ fi ħdan il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma u l-Aġenzija Infrastruttura Malta.

Dan għar-raġuni li, fost oħrajn, wara li ngħata il-wiċċ bit-tarmac lil xi toroq f’ Wied il-Għajn, dawn it-toroq kellhom jinqalgħu mill-ġdid għax ma kienx sar il-main tad-drenaġġ. Nuqqasijiet oħra li semma’ kienu, fost oħrajn, li fi Triq it-Tempesta fil-Qrendi, għalkemm hu stess ġibed l-attenzjoni għal aktar minn darba li parti mit-triq ma kelliex main tad-drenaġġ, it-tarmac ta’ din it-triq ingħata xorta. Għamel riferenza wkoll għax-xogħol ta’ pavimentar li qiegħed isir fl-Imqabba, fejn fi Triq il-Parroċċa, għalkemm diġà sar ix-xogħol relatat mal-pavimentar, parti mid-drenaġġ li kien għaddej minn kanal fil-blat fi Triq il-Parroċċa, ma ġiex devjat f’main tad-drenaġġ.

Dan bil-konsegwenza li dan id-drenaġġ qed isib ruħu f’kantini tar-residenti. Għalhekk, għamel appell lill-gvern biex issir koordinazjoni kif suppost bejn il-Ministeru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali flimkiem mal-Ministeru għas-Servizz tal-Ilma u l-Enerġija biex kull fejn isiru xogħlijiet ta’ toroq isiru l-istudji kollha neċessarji biex fejn hemm bżonn, servizzi eżistenti tal-ilma u tad-drenaġġ jinbidlu ma oħrajn ġodda. Dawn jridu jkunu jissodisfaw il-bżonnijiet tar-residenti biex wara li jingħata t-tarmac, ma jerġgħux jinqalu t-toroq mill-ġdid biex isir x-xogħol riparatorju neċessarju.

Peress illi l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma taqa’ taħt l-istess ministeru li taħtha taqa’ l-Enemalta, id-deputat Nazzjonalista Toni Bezzina għamel riferenza wkoll għad-deal jinten tax-xiri tal-windfarm fil-Montenegro. Hu qal li l-poplu hu aktar iddisgustat mill-Prim Ministru Robert Abela b’ dan id-deal skandaluż, aktar u aktar meta sar jaf li l-Prim Ministru kien ilu jaf bih minn Novembru li għadda. Għalhekk, Toni Bezzina staqsa x’ passi se jieħu il-Prim Ministru fil-konfront ta’ dawk kollha involuti, fosthom tal-id il-leminija u l-id ix-xellugija tal-ex-Prim Minisru Joseph Muscat, meta l-poplu nseraq madwar €7 miljuni? Aktar u aktar meta dan il-deal kien gie iffirmat f’ Novembru li għadda bejn żewġ Prim Ministru li waħda mill-elementi komuni bejniethom hi li t-tnejn li huma kienu vvutati bħala l-aktar politiċi korrotti.

Hu kompla billi appella lil Prim Ministru Robert Abela biex bla dewmien jieħu l-passi kollha neċessarji biex filwaqt li min żbalja jħallas ta’ għrmilu, jara li l-flus kollha li nsterqu minn ħalq uliedna u wlied uliedna jerġgħu lura għand il-poplu.

Id-deputat Nazzjonalista Toni Bezzina għalaq id-diskors tiegħu billi għamel appella lil dawk kollha ta’ rieda tajba, sew jekk Nazzjonalisti, Laburisti jew nies ta’ kull twemmin politiku, biex jiġbdu ħabel wieħed biex inaddfu isem pajjiżna minn dan il-ħmieġ. Fl-istess waqt, hu qal li kull membru tal-Bord tal-Enemalta għandu r-responsabbiltà u d-dmir li jħares l-interessi tal-poplu tagħna u jagħmlu l-almu tagħhom biex jaraw li jiġu rkuprati l-flejjes kollha relatati ma’ dan id-deal skandaluż.