Lokali

Raġel Tork fil-periklu tal-mewt wara li waqa’ f’sit ta’ kostruzzjoni

Raġel Tork ta’ 43 sena residenti Birkirkara, qiegħed isofri minn ġrieħi serji wara li weġġa’ f’sit ta kostruzzjoni fi Triq Ħal Farruġ, is-Siġġiewi.

Il-Pulizija kienu infurmati għall-ħabta tat-tmienja ta’ filgħodu, li kien hemm bżonn l-assistenza fl-imsemmija triq minħabba li kien weġġa’ ħaddiem f’sit ta’ kostruzzjoni.

Il-Pulizija tad-Distrett marret minnufih fuq il-post u minn stħarriġ preliminari li sar, irriżulta li r-raġel sofra xi ġrieħi meta waqa’ minn fuq struttura tal-ħadid.

Fuq il-post issejħu tim mediku li taw l-ewwel għajnuna u ambulanza li ħadet lil vittma l-Isptar Mater Dei għall-kura meħtieġa.

Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Josette Demicoli li ħatret diversi esperti sabiex jassistuha fl-inkjesta li ġiet appuntata.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar dan l-inċident għadhom għaddejjin.