Lokali

Se jneħħi s-CEO tal-Korp; pjan biex jiddaħħlu Pulizija part-time

Ineħħi lil Ian Abdilla mill-Unit tar-Reati Ekonomiċi

Angelo Gafà beda uffiċjalment il-ħidma tiegħu bħala Kummissarju tal-Korp tal-Pulizija. Hu se jkun is-7 Kummissarju f’seba’ snin ta’ Gvern Laburista. Fil-fatt, f’dawn l-aħħar seba’ snin bħala Kummissarji tal-Pulizija kien hemm John Rizzo, Peter Paul Zammit, Ray Zammit, Michael Cassar, Lawrence Cutajar, Carmelo Magri u issa Angelo Gafà.

Meta indirizza lill-media fid-Depot fil-Floriana, Gafà stqarr li hu diġa’ għandu pjan kif se jara li l-Korp jiġġedded.

Mistoqsi minn Net News dwar il-ħsieb li jiddaħħlu fil-Korp uffiċjali part-time, Gafà kkonferma din l-informazzjoni. Qal ukoll li se titneħħa l-kariga ta’ Kap Eżekuttiv.

Intant, l-Assisstent Kummissarju Alexandra Mamo se tkun qed tieħu post Ian Abdilla fit-tmexxija tal-Economic Crimes Unit. Iżda minkejja li hu stess ħa din id-deċiżjoni, Gafà stqarr illi “mhux konxju li kien hemm nuqqasijiet fl-investigazzjonijiet ta’ Ian Abdilla”.

L-eks Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar jinsab taħt investigazzjoni kriminali fuq akkuża li hu ta informazzjoni lill-persuni li kienu involuti fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.