Lokali Qorti

Tliet snin ħabs għall-immigrant li kien involut fi ħruq ta’ karozza lussuża

Immigrant Libjan li jgħix fiċ-ċentru miftuħ tal-Ħal Far ġie kkundannat tliet snin ħabs mill-Maġistrat Gabriella Vella li ammetta kien kompliċi fil-ħruq ta’ karozza lussuża li ngħatat in-nar f’Novembru li għadda fil-Belt Valletta.

Ateri Ahmed Alfurjani ta’ 45 sena minn Tripli ammetta li kien il-persuna li ħa ħsieb iġib il-‘fuel’ għal ħaddieħor li ntuża biex tinħaraq karozza tat-tip Mercedes. Il-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispettur Jeffrey Scicluna, qalet li l-karozza kienet inħarqet fl-10 ta’ Novembru u mill-filmati tas-CCTV, irriżulta li l-akkużat kien kompliċi.

Il-Libjan ammetta li wettaq dan ir-reat fil-lejl bejn id-9 u l-10 ta’ Novembru 2019, u rrenda ruħu kompliċi ma’ żewġ persuni oħra. Meta kien tressaq fis-17 ta’ Jannar 2020, huwa kien wieġeb mhux ħati iżda ammetta r-reat fis-17 ta’ Ġunju li għadda.

Sid il-karozza li spiċċat maħruqa kien qal fil-Qorti li ma kellux idea min seta’ ħaraqlu l-karozza li kienet ipparkjata fi Triq San Duminku. Huwa qal li qatt ma kellu xi jgħid ma’ ħadd u għalhekk ma kien qed jissuspetta f’ħadd.

Kien xehed li huwa Bormliż u kien il-Belt għand il-partner tiegħu meta matul il-lejl tal-10 ta’ Novembru sema’ ħafna għajjat minn xi ġirien. Qal li huwa qam biex jara x’kien ġara u skopra li l-karozza tiegħu kienet ħadet in-nar.

Koppja kienu tressqu wkoll l-Qorti fuq dan il-każ u ġew mixlijin li taw in-nar u li kkawżaw ħsara kbira fuq il-karozza Mercedes u oħra li kienet ipparkjata maġenba.

Kien xehed ukoll sid il-karozza Citroen, li kellu l-karozza pparkjata maġenb il-Mercedes, li spiċċat maħruqa kompletament. Huwa qal li anke l-karozza tiegħu spiċċat ‘total loss’.

Il-Pulizija kienet qalet li f’din l-operazzjoni kienu hemm ħames persuni nvoluti, żewġ nisa u tliet irġiel, b’Ahmed Alfurjani jikkopera bis-sħiħ mal-Pulizija u kixef kollox.

Il-Qorti fl-għoti tas-sentenza tagħha kkunsidrat il-fatt li l-akkużat ikkopera mal-Pulizija, għandu kondotta nadifa u ammetta fi stadju relattivament bikri tal-proċeduri. Għal Libjan deher l-Avukat tal-Għajnuna Legali Mark Mifsud Cutajar.