Lokali Qorti

Tliet uffiċjali tal-każin tal-banda Lourdes kundannati disa’ snin ħabs fuq frodi

Il-President, is-Segretarju u t-teżorier tal-każin tas-Soċjetà Filarmonika Lourdes ta’ Raħal Ġdid ġew kundannati disa’ snin ħabs fuq frodi ta’ aktar minn €25,000 għad-dannu tal-Maltapost.

Josef Grech ta’ 39 sena, residenti l-Marsa u li huwa s-Segretarju ġie kundannat erba’ snin ħabs, Omar Caruana, ta’ 42 sena minn Ħal Tarxien u li huwa avukat ġie kundannat tliet snin ħabs filwaqt li Vincent Farrugia ta’ 74 sena, residenti Marsaskala, l-President ġie kundannat sentejn ħabs.

Il-każ instema’ quddiem il-Maġistrat Marse-Ann Farrugia u mill-provi rriżulta li bejn l-2008 u l-2009 huma ffrodaw lill-kumpanija Maltapost meta t-tlieta li huma kienu firmatatji konġunti għall-kont bankarju li s-soċjeta kellha mal-APS Bank.  Il-Qorti ordnat ukoll lill-ħatja biex iħallsu lill-Maltapost is-somma ta’ €19,971.

Irriżulta wkoll li Grech u Caruana kienu wkoll firmatarji flimkien għall-kont bankarju f’isem l-Għaqsa Mużikali Santu Wistin. Minn Novembru tal-2008 huma kienu joħorġu ċekkijiet favur il-Maltpost permezz ta’ xiri ta’ money orders mingħand il-kumpanija.

Dan sabiex jixtru ‘money orders’ mingħand l-istess Maltapost u jiddepożitawhom fl-istess kont bankarju tagħhom fl-APS u joħorġu ċekkijiet favur terzi persuni.

Dan kollu baqa’ għaddej sa Diċembru 2008, bil-manuvra tissejjaħ ‘kite-flying’, li jfisser għoti ta’ bilanċ ta’ kreditu fittizju sakemm kif ġara f’dan il-każ, li xi ħadd jingidem, fejn jispiċċa jiġi espost għal ċekkijiet li ma jissarfux.

Ħareġ ukoll li bejn it-3 ta’ Jannar u l-14 ta’ Jannar tal-2019 kienu nxtraw 64 ‘money order’ għal €36,000 permezz ta’ 15-il ċekk tal-APS, li minnhom inħarġu mill-kont bankarju tal-istess Soċjeta Filarmonija Loursed u tnejn mill-kont bankarju f’isem l-Għaqda Mużikali Santu Wistin.

Minn dawn il-‘money orders’ ġew imsarrfa biss €25,000 u minħabba li ċ-ċekkijiet ma kienux qegħdin jissarfuq ma kienx hemm biżżejjed flus fil-kont, il-Maltapost waqqfet il-ħlasijiet. Kien il-bank APS li għamel rapport lill-Pulizija dwar dan kollu.

Il-Qorti qalet li hija tal-opinjoni li t-terminu ta’ priġunerija m’għandux ikun l-istess għal kulħadd, iżda għandu jiġi ikkalibrat. Qalet li Vincent Farrugia iffirma żewġ żekkijiet inqas mit-tnejn l-oħra.

Sadanittant skont il-kondotta tagħhom ta’ min isemmi li Josef Grech, għandu 10 kundanni għal diversi reati, li fosthom erba’ kundanni huma fuq frodi, kundanna għal serq ta’ chequebook u falsifikazzajoni, u kundanna għal ksur tal-ligijiet dwar is-sewqan.

Huwa ingħata diversi opportunijiet mll-Qrati, inkluż, libertà kundizzjonata u sentenza ta’ ħabs sospiża, iħda jidher żar li ma jridx jitghallem mill-iżbalji tiegħu u jitbiegħed mit-triq tal-kriminalità.

Fil-fatt huwa ingħata anke piena ta’ ħabs effettiv. Huwa indikattiv li ħafna mill-kundanni, inklużi dawk ta’ frodi ġew kommessi, wara li saru dawn il-proċeduri. Mill-kondotta aġġornata tiegħu jirriżulta li ta’ Omar Caruana hija netta. Minn naħa l-ohra, dan huwa avukat, u jeżerċita professjoni li hi bbażata fuq il-fiduċja tal-pubbliku.

Vincent Farrugia instab hati disa’ darbiet mill-Qrati. Ħamsa minnhom għal reati minuri relatati mal-liġjiet tas-sewqan, kundanna li naqas li jobdi ordnijiet tal-Pulizija, kundanna li kkaġuna ferita hafifa fuq persuna, u kundanna fuq frodi.

Huwa sinifikanti li l-aħħar reat ta’ frodi gie kommess wara li seħħew dawn il-proċeduri, u jirrigwarda wkoll is-Soċjetà Filarmonika Lourdes.