“Qed jistennew li timrad u jibgħatuha għall-ħarqa”
Frott it-traskuraġni, baqra tal-ħalib tinsab fil-periklu li tmut mewta krudili għall-aħħar.
Dan kollu fir-Razzett tal-Gvern fl-Għammieri, f’Ħal Luqa, fejn sorsi li tkellmu ma’ Net News saħqu li wara li nbiegħu numru ta’ annimali fosthom baqar, nagħaġ u fniek…din il-baqra tal-ħalib “baqgħet ma’ wiċċhom” u min suppost xogħolu jieħu ħsiebha – abbandunaha.
Bħal ma jixhdu r-ritratti mibgħuta lil Net News, ġie spjegat li din il-baqra ilha ma’ tinħeleb madwar 3 ġimgħat meta suppost din il-ħlejqa jiħelbilha l-ħalib darba filgħodu u darb’oħra filgħaxija.
L-istess sorsi li tkellmu magħna saħqu li tali traskuraġni hija krudili immens u esprimew li qed jistennew li timrad u jibgħatuha għall-ħarqa.
Esperti li tkellmu magħna saħqu li ġaladarba dan kollu ma jseħħx il-baqra timrad b’infezzjoni serja li tista’ twassal saħansitra għall-mewt.
Dan filwaqt li l-Ministeru għad-Drittijiet tal-Annimali ċaħad dawn l-allegazzjonijiet fejn ġie kkwotat rapport ta’ veterinarju li ddikkjara li l-baqra tinsab f’saħħitha.
Ġie spjegat li illum stess din il-baqra ġiet eżaminata – wara li dalgħodu feġġ dan l-istess rapport.
//= $special ?>