Futbol Sport

Atalanta jwettqu rimonta mill-aqwa kontra Lazio u jagħmlu pjaċir lil Juventus … Dzeko determinanti għal Roma

(Ritratt: EPA)

Atalanta wettqu rimonta mill-aqwa biex għelbu lil Lazio 3-2 u fl-istess ħin għamlu pjaċir lil Juventus hekk kif b’dan ir-riżultat għandhom erba’ punti vantaġġ fil-quċċata.

Lazio bnew vantaġġ doppju fl-ewwel ftit minuti. L-ewwel kien Marten de Roon li xeħet fix-xibka tiegħu stess wara ħames minuti minn kross ta’ Manuel Lazzarri biex fil-11-il minuta SERGEJ MILINKOVIC-SAVIC irdoppja b’xutt għar-rokna minn barra l-kaxxa.

Ir-rimonta ta’ Atalanta bdiet fit-38 minuta b’daqqa ta’ ras angolata ROBIN GOSENS wara kross mil-lemin ta’ Hans Hateboer. RUSLAN MALINOVSKY ħasad lit-tim ta’ Simone Inzaghi fit-68 minuta b’xutt potenti minn barra l-kaxxa. JOSE PALOMINO skorja l-gowl tar-rebħa fit-80 minuta b’daqqa ta’ ras minn korner.

Roma għelbu lil Sampdoria 2-1 fi Stadio Olimpico. MANOLO GABBIADINI poġġa lil Sampdoria minn fuq wara 11-il minuta hekk kif ħa vantaġġ minn żball ta’ Amadou Diawara. Roma ġabu d-draw fl-64 minuta permezz ta’ xutt mill-ewwel tal-attakkant EDIN DZEKO. L-istess plejer skorja l-gowl tar-rebħa fil-85 minuta wkoll b’xutt mill-ewwel.