Internazzjonali

COVID-19: Spinta ġdida ta’ infezzjonijiet fl-Istati Uniti bl-imwiet fl-Amerika Latina jaqbżu l-100,000

It-tabib Anthony Fauci, li hu l-akbar awtorità dwar il-mard li jittieħed fl-Istati Uniti, wissa lid-deputati Amerikani li numru ta’ Stati qed jaraw ‘spinta allarmanti’ ta’ infezzjonijiet bil-Covid-19, bil-każi qed jiżdiedu b’ritmu mgħaġġel. It-twissija ngħatat fost konferma li hemm talanqas 9.2 miljun każi tal-virus madwar id-dinja,bl-imwiet sussegwenti, issa jitilgħu għal kważi 477,000 fuq livell globali.

L-esperti tas-saħħa, intant, qed iwissu li r-rati tal-infezzjonijiet bil-Covid-19 għad trid tilħaq il-massimu f’diversi pajjiżi. Dan waqt li l-aħħar ċifri mill-Amerika Latina, issa, ikkonfermaw li mietu ‘il fuq minn 100,000 b’kaġun tal-virus madwar il-kontinent, bil-pandemija qed ‘taċċellera’ fir-reġjuni Latini.

Sadanittant, Anthony Fauci ħeġġeġ għal żieda fil-contact tracing madwar l-Istati Uniti. L-espert ewlieni u l-membri ta’ panel magħmul minn uffiċjali tas-saħħa, fl-istess ħin, wissew li l-jiem li ġejjin se jkunu kruċjali għall-impenji lejn il-kontroll ta’ epidemiji potenzjali ġodda tal-marda.

L-esperti inkwistjoni qalu wkoll li ‘ma kienu qatt infurmati’ mill-President Amerikan, Donald Trump, biex inaqqsu t-testijiet għall-coronavirus. Dan wara li Trump, waqt rally f’Oklahoma, fi tmiem il-ġimgħa, ikkummenta li ‘kien talab lin-nies fil-qasam tas-saħħa biex jagħmlu anqas testijiet bil-għan li jinżammu baxxi n-numri uffiċjali tal-infezzjonijiet’

Anthony Fauci, id-direttur tan-National Institute of Allergy and Infectious Diseases, irrifjuta li qatt ingħata din id-direttiva waqt li kien qed jixhed quddiem kumitat tal-Kungress Amerikan li qed jinvestiga kif il-pajjiż irreġġixxa għall-Covid-19.

Fauci anki għamilha ċara li, ‘il quddiem, se jsiru aktar testijiet fl-Istati Uniti u li l-ġimgħat li ġejjin se jkunu kritiċi għall-Istati ta’ Texas, Florida, Utah, Arizona u oħrajn li għaddejjin minn spinta ġdida ta’ infezzjonijiet. Dan l-espert, fl-istess ħin, jinsab ‘ftit jew wisq ottimist’ li jinstab vaċċin għal kontra l-coronavirus sal-aħħar tal-2020.

Fi żviluppi oħra, l-ambaxxaturi tal-Unjoni Ewropea ltaqgħu biex jippjanaw il-ftuħ mill-ġdid tal-fruntieri esterni tal-Ewropa mill-1 ta’ Lulju – u fejn it-turisti mill-Istati Uniti jistgħu ma jkunux permessi jidħlu fl-Istati tal-kontinent.

Filwaqt li numru ta’ Stati Ewropej huma ħerqanin li jiftħu għat-turiżmu, pajjiżi oħra tal-UE jinsabu kawti dwar il-firxa kontinwa tal-Covid-19. Is-27 Stat-membru tal-Ewropa jridu l-ewwel jaqblu dwar il-miżuri li l-pajjiżi barra l-Unjoni jridu jissodisfaw qabel ikunu inklużi f’hekk-imsejjaħ safe list.

Filwaqt li hu probabbli li ċ-ċittadini Amerikani, għalissa, mhumiex se jitħallew jidħlu fil-pajjiżi tal-Ewropa, l-indikazzjonijiet huma li lanqas mhuma se jissodisfaw il-kriterji persuni li ġejjin mill-Brażil, ir-Russja u Stati oħrajn li għandhom rati ta’ infezzjoni għolja.

Il-Brażil jibqa’ l-agħar pajjiż affettwat mill-Covid-19 fost l-Istati Latini-Amerikani – meta l-100,000 vittmi tal-virus madwar dan il-kontinent huma ekwivalenti għal kważi ‘wieħed f’kull ħames imwiet relatati mal-coronavirus madwar id-dinja’.

Fil-Peru, li għandu l-akbar skala tal-mewt mill-coronavirus wara l-Brażil, ġie kkonfermat li mietu ‘il fuq minn 220 uffiċjal tal-pulizija mill-effetti tal-infezzjoni. Dan waqt li fil-Panama – l-agħar pajjiż affettwat fl-Amerika Ċentrali – ħarġet twissija dwar nuqqas allarmanti ta’ maskri u ilbies protettiv għall-infermiera u membri oħrajn tal-istaff mediku.

Il-Panama rappurtat ‘il fuq minn 27,000 każ ta’ infezzjoni fost il-popolazzjoni ta’ ftit anqas minn 4.2 miljuni.

Fir-Renju Unit, l-ogħla awtoritajiet fil-qasam tas-saħħa sejħu għal analiżi urġenti li tiddetermina jekk ir-Renju Unit hux lest ‘għas-sogru reali’ li jintlaqat b’tieni mewġa tal-coronavirus.

It-twissija lill-Ministri, permezz ta’ ittra pubblikata fil-British Medical Journal, sostniet li tinħtieġ azzjoni urġenti biex ma tintilifx aktar ħajja b’kaġun tal-Covid-19 u wara li l-Prim Ministru Britanniku, Boris Johnson, ħabbar bidliet sostanzjali għall-istat tal-lockdown f’pajjiżu.

L-ittra kienet iffirmata mill-Persidenti tal-Kulleġġi Rjali tal-Kirurgi, tat-Tobba u l-Infermiera li fakkru mill-ġdid li l-futur tal-virus qattiel fir-Renju Unit jibqa’ sallum imprevedibbli.