Futbol Sport

Darren Abdilla uffiċjalment jirritorna bħala kowċ ta’ Gżira United

(Ritratt: Andrew Micallef)

Anqas minn sena u nofs wara li ħalla l-klabb, Darren Abdilla reġa’ hu kowċ ta’ Gżira United b’kuntratt ta’ sentejn. Il-kowċ ta’ 40 sena stabbilixxa ruħu bħala wieħed mill-aqwa kowċis lokali. Hu kien ħa t-tmexxija ta’ Gżira United f’Novembru tal-2014 meta t-tim kien għadu fl-Ewwel Diviżjoni. F’dak l-istaġun huma kienu spiċċaw fit-tielet post u tilfu l-play-off kontra Mosta. Fl-istaġun ta’ wara, hu wassal lit-tim biex kiseb il-promozzjoni għall-Kampjonat Premier wara nuqqas ta’ 34 sena. Wara li Gżira kienu ħatru lil Branko Nisevic bħala kowċ, Abdilla kien baqa’ mal-klabb bħala assistent tiegħu.

Kien f’Novembru tal-2016 li hu reġa ħa t-tmexxija tat-tim wara t-tneħħija ta’ Nisevic. F’dak l-istess staġun hu għen lit-tim isalva postu fil-Premier biex fl-istaġun 2017/18 wassal lit-tim sat-tielet post u assiguraw posthom minn parteċipazzjoni fl-Europa League. Fl-istaġun 2018/19, Gżira għaddew mir-Rawnd Preliminari tal-UEFA Europa League wara li eliminaw lil Sant Julia ta’ Andorra u kienu eliminati fir-rawnd ta’ wara kontra Radnicki. Abdilla kien ħalla lil Gżira sitt punti bogħod mill-quċċata.

Fil-bidu tal-istaġun li għadda, Darren Abdilla nħatar kowċ ta’ Valletta iżda l-esperjenza tiegħu damet sa Frar li għadda. Tul ix-xhur li għamel fil-kariga, Abdilla mexxa lil Valletta biex għaddew għat-tielet rawnd ta’ kompetizzjoni Ewropea għall-ewwel darba fl-istorja tal-klabb. Hu mexxa lil Valletta għar-rebħ tas-Super Cup f’Diċembru li għadda, unur maġġuri li kien l-ewwel wieħed għalih fil-karriera. Wara t-telfa ta’ 4-1 kontra Birkirkara, Abdilla tneħħa minn kowċ meta Valletta meta kienu punti ndaqs ma’ Floriana.