Coronavirus Lokali

Għat-tielet jum, l-ebda każ ġdid f’pajjiżna

Għat-tielet jum konsekuttiv, l-ebda każ ġdid ta’ Coronavirus f’pajjiżna. Min-naħa l-oħra, fl-aħħar sigħat, sitt persuni rriżultaw li fiequ.

B’hekk, filwaqt li l-ammont ta’ każi pożittivi minn meta faqqgħet il-pandemija jibqa’ 665, l-ammont ta’ persuni li fiequ tela’ għal 624. B’hekk jekk wieħed jinnota wkoll lid-disa’ persuni li sfortunatament mietu kawża tal-virus, isib li l-każi attivi f’pajjiżna issa niżlu għal 32.

Fl-aġġornament fuq il-paġna ta’ Facebook, il-Ministeru tas-Saħħa qal ukoll li mill-każi li fadal attivi, hemm 11 li għadhom qed jingħataw il-kura f’xi istituzzjoni medika. Tnejn minn dawn jinsabu fl-Isptar Mater Dei, persuna fl-Isptar Karin Grech, tlieta fl-Isptar Boffa u ħamsa fl-Isptar St Thomas.