Għawdex Lokali

“Ħallew Marsalforn qisu Bagdad”

“Imbasta rridu lit-turisti jżuru Għawdex biex umbagħad, ħallewna qisna Bagdad”.

Hekk qal sid ta’ ristorant f’Marsalforn, li tkellem ma’ NET News biex jesprimi l-għadab tiegħu għall-mod kif iż-żona qrib il-baħar tħalliet bit-toroq maqlugħa għax ix-xogħol għaddej bil-mod ħafna.

Il-persuna li tkellmet magħna spjegat li f’diversi ċirkostanzi, qed jinnutaw li fil-post ma jkunx hemm biżżejjed ħaddiema tal-kuntrattur biex jgħaġġlu x-xogħol.

“X’jista’ jagħmel b’erba’ ħaddiema biss?”, staqsa n-negozjant li tkellem magħna, li kompla li “mhux biżżejjed kellna tliet xhur weqfin (minħabba l-Covid-19), biex issa lanqas se nkunu nistgħu nirkupraw fix-xhur tas-Sajf”.

In-negozjant innota wkoll kif tmiem il-ġimgħa li ġej hu wieħed twil, hekk kif it-Tnejn hi Festa Pubblika. Ċirkostanzi bħal dan normalment jiġbdu Maltin lejn il-gżira Għawdxija.

Madankollu, il-ħwienet f’Marsalforn ma tantx qed jaħsbu li se jaraw influssi ladarba t-toroq mhux daqshekk aċċessibbli.