Lokali

Hemm bżonn ta’ viżjoni aktar fit-tul – MDA

Malta għandha bżonn viżjoni solida u pjan ta’ żvilupp fit-tul. Dan sostnienu l-Assoċjazzjoni Żviluppaturi Maltin fejn fi stqarrija ġie spjegat li l-Gżejjer Maltin għandhom bżonn viżjoni għas-snin li ġejjin għal żvilupp aktar sostenibbli b’aktar spazji pubbliċi miftuħa għal rikreazzjoni.

Kelliema għall-MDA saħqu li hemm bżonn ta’ pjan ħolistiku kif dan l-iżvilupp għandu jkun applikabbli għal-lokalitajiet ta’ Malta u Għawdex. Huma saħqu li ma jaqblux mal-passi li qed tadotta l-Awtorità tal-Ippjanar, fejn spjegaw li l-pjanijiet qed isiru sabiex jakkomodaw il-bżonnijiet ta’ ċertu proġetti biss. Dan, mingħajr ma jikkunsidraw il-karatteristiċi u ż-żoni tal-madwar.

L-MDA sosniet ukoll li tinsab inkwetata b’numru ta’ tibdil fl-iżvilupp, fejn f’ħafna drabi jirriżultaw għal aktar stress fl-inħawi tal-madwar.

Id-Direttur Ġenerali tal-MDA, Martherse Portelli, saħqet li hemm bżonn imminenti ta’ paġna ġdida b’viżjoni aktar fit-tul u sostniet li l-politiċi għandhom bżonn jibdew jaħsbu ‘out of the box‘ u mhux għal 5 snin mandat elettorali biss.