Ekonomija Lokali

Ikomplu jiżdiedu n-nies jirreġistraw għax-xogħol

Matul ix-xahar ta’ Mejju, in-nies jirreġistraw għax-xogħol kważi tripplaw meta wieħed iqabbel mal-istess xahar tas-sena li għaddiet. Fil-fatt, ċifri tal-NSO juru li f’temp ta’ sena dawk jirreġistraw żdiedu b’2,740 persuna għal total ta’ 4,409.

L-istatistika turi li fuq sena, kien hemm żieda konsiderevoli anke fost l-Għawdxin li qed jirreġistraw biex isibu impjieg.

Bla dubju li dawn in-numri huma frott id-daqqa kbira li qed tħalli l-pandemija. Għalkemm meta wieħed iqabbel xahar b’xahar…ukoll jirriżulta li kien hemm żieda. Iċ-ċifri juru li minn April għal Mejju kien hemm żieda ta’ 500 persuna jirreġistraw għax-xogħol, biex issa n-nies fuq ir-Reġistru qabżu sew l-4,000.

B’mod ħolistiku, il-Labour Force Survey juri li l-qgħad bħalissa, u allura ċ-ċifri li jinkludu wkoll dawk li mhumiex fuq ir-Reġistru, jinsab fil-livell ta’ 11,000 persuna bla xogħol.