Lokali

Il-Gvern m’appuntax inkjesta indipendenti b’rabta mal-aħħar skandlu

Il-Gvern ta’ Robert Abela għadu ma jridx jappunta inkjesta indipendenti sabiex jinvestiga d-deal skandaluz tal-windfarms fil-Montenegro; ftehim li kompla jikxef kif Kastilja tinsab mgherqa fil-korruzzjoni.

Mistoqsi minn Net News, il-Ministru għall-Intern Byron Camilleri qal biss li qed issir inkjesta mill-Pulizija. Dan filwaqt li l-Korporazzjoni Enemalta ma ċaħditx l-allegazzjonijiet dwar il-proġett tal-windfarms li sewa lil pajjizna 10 miljun ewro.

Filwaqt li l-Gvern qed jirrezisti inkjesta indipendenti, l-Enemalta ikkonfermat mat-Times li qed issir investigazzjoni interna minn naha tal-kumpanija. Dan wara li ġie żvelat li 17 Black, li sidha huwa n-negozjant Yorgen Fenech, għamlet miljuni ta’ ewro fi profitti minn dan il-ftehim.

Fi twegibiet lit-Times, l-Enemalta rrifjutat li tiżvela minn kien il-politiku wara dan id-deal. Qalet biss li lura f’Marzu tal-2014, il-Gvern Malti informahom li l-Korporazzjoni ….flimkien ma’ Shanghai Electric li għandha terz mill-Enemalta, kienu qablu biex jinvestu f’dan il-proġett.

F’Diċembru tal-2015, il-kumpanija tal-istat xtrat ishma f’dan il-proġett għall-prezz ta’ €10.3 miljun – ġimgħatejn biss wara li l-istess ishma kienu jiswew terz ta’ dan il-prezz.

Dak iż-żmien il-Ministru għall-Enerġija kien Konrad Mizzi.

Kelliem għal Enemalta stqarr mat-Times li l-kumpanija ma kellha l-ebda idea dwar it-tranżazzjonijiet ta’ flus relatati ma’ dan il-proġett u wisq inqas mal-allegati atti kriminali marbuta miegħu.