Internazzjonali

Ir-Russja tfakkar il-75 anniversarju tat-trijonf fuq in-Nażiżmu

Ir-Russja, fl-aħħar sigħat, setgħet tiċċelebra l-akbar vaganza nazzjonali – Jum ir-Rebħa – permezz ta’ parata militari f’Moska li suppost kellha ssir fid-9 ta’ Mejju li għadda.

L-avveniment għandu sinifikat speċjali għar-Russi, peress li għaddew proprju 75 sena mindu l-eks Unjoni Sovjetika ( li r-Russja kienet tagħmel parti minnha)  u l-Alleati għelbu lill-Ġermanja Nażista fit-Tieni Gwerra Dinjija….Konflitt li kien sewa ‘il fuq minn 20 miljun mejta fuq in-naħa tas-Sovjetiċi.

Il-President Russu, Vladimir Putin, li kien preżenti għall-parata militari tal-bieraħ fil-Pjazza l-Ħamra ta’ Moska, kien ippospona kontra qalbu din iċ-ċelebrazzjoni kbira nazzjonali minħabba l-impatt tal-pandemija tal-Covid-19.

Iżda l-VE Day tar-Russja, issa, setgħet issir fi żmien politiku delikat – u qabel isir vot importanti dwar il-Kostituzzjoni li kapaċi jippermetti biex Vladimir Putin ikun garantit minn żewġ termini oħra ( addizzjonali) ta’ poter.

Fil-fatt, ir-Russja, fi żmien ġimgħa, se torganizza votazzjoni fuq bażi nazzjonali li tirrigwarda emendi għall-Kostituzzjoni u li mistennija tikkonferma lil Putin bħala Mexxej ta’ pajjiżu sa ‘il hinn mill-2024 – meta jiskadilu l-mandat attwali.

Għalkemm naqsu r-restrizzjonijiet tal-lockdown fir-Russja, għadu ‘teknikament’ ipprojbit li jinġabru l-folol kbar tan-nies fuq barra. Fl-istess ħin, is-suldati involuti fil-parata, qabel, kienu kostretti li jqattgħu żmien fi kwarantina qabel huma setgħu jipparteċipaw fil-programm ta’ VE Day.

Il-każi kkonfermati ta’ infezzjoni bil-Covid-19 fir-Russja, issa qabżu s-600,000 – b’aktar minn 7,000 każi ġodda jkunu rappurtati fl-aħħar perjodu, effettiv għal 24 siegħa. Iżda ċ-ċifra naqset minn ta’ Mejju, meta r-Russja kienet irrappurtat ‘il fuq minn 10,000 infezzjoni kuljum għal aktar minn ġimgħa.

Is-Sindku ta’ Moska, Sergei Sobyanin, ħeġġeġ biex in-nies biex jibqgħu d-dar jsegwu l-parata tal-bieraħ fuq it-televiżjoni minħabba li Moska għadha l-epiċentru tal-pandemija fir-Russja. Intant, kulmin attenda għall-programm fil-kapitali kellu jgħaddi minn test għall-virus, bl-awtoritajiet jinfurzaw ir-regoli tas-social distancing għall-veterani tal-gwerra preżenti.

Il-parata annwali fil-Pjazza l-Ħamra dejjem tipprovdi okkażjoni għal Putin biex iqajjem l-ispirtu patrijott tar-Russi, l-istess bħalma kien isir waqt l-era Sovjetika.

Putin, illum, irristawra s-simboli Sovjetiċi mill-era tal-Gwerra Bierda, bl-avveniment tal-bieraħ ifakkar il-parata tat-trijonf tal-1945 fl-eks USSR, ladarba spiċċat it-theddida tar-reġim Nażista mmexxi minn Adolf Hitler.

Il-Ġermanja Nażista kienet ikkonkludiet il-kampanji militari kollha tagħha fit-8 ta’ Mejju tal-1945. Sadanittant, Putin, waqt diskors tal-okkażjoni, ‘fakkar fid-dover taċ-ċittadini tallum li jfakkru lill-poplu Sovjetiku li sofra l-agħar effett tal-konflitt man-Nażiżmu’.

Vladimir Putin jidentifika personalment mas-sagrifiċċji li saru fil-gwerra, meta missieru kien spiċċa ferut gravi waqt il-kumbattimenti, b’ħuh, Victor, imut waqt l-assedju ta’ Leningrad – illum il-belt ta’ San Pietruburgu.

Fil-parata tallum, f’Moska, ħadu sehem ukoll taqsimiet militari mill-eks Repubbliċi Sovjetiċi kif ukoll mill-Mongolja u ċ-Ċina. Saru anki parati militari fi bliet oħra tar-Russja li għaddew mill-agħar perjodu ta’ ġlied waqt ‘il-Gwerra Kbira tas-Sovjetiċi kontra n-Nażi’.