Sport Sport Ieħor

Is-sitwazzjoni tal-hockey f’pajjiżna qed toħloq entużjażmu biex nagħmlu l-affarijiet – Gordon Mifsud, President tal-HAM

Stewart Said

Il-hockey f’pajjiżna mhux ikkunsidrat bħala sport ewlieni iżda f’dawn iż-żminijiet għaddej minn fażi eċċitanti li minkejja l-limitazzjonijiet tal-assoċjazzjoni, jista’ jwassal għal riżultati importanti fil-futur. Fit-tmexxija tal-Hockey Association Malta hemm Gordon Mifsud, persuna li qed ikun strumentali biex iġib il-bidla meħtieġa f’dan l-isport.

Ir-rabta’ tiegħu mal-hockey tmur għal aktar minn 50 sena. Ilu jilgħab minn meta kellu 10 snin u fil-karriera tiegħu lagħab ma’ klabbs bħal Paceville, l-Università u White Hart fejn anki rebaħ il-kampjonat. Wara li kien waqaf minħabba li għal ħafna żmien siefer fuq xogħol, madwar ħames snin ilu reġa’ beda jilgħab il-hockey mat-tim tal-veterani.

Hu qatt ma kellu l-intenzjoni li jsir President tal-Hockey Association Malta iżda l-kuntatti li kien għad kellu, wassluh biex jiġi mħeġġeġ u jikkontesta biex imexxi l-assoċjazzjoni. “Naħseb raw fija xi ħiliet ta’ tmexxija, kordinazzjoni u ħafna affarijiet li għamilt fil-passat.” Mifsud fost il-kontribut li ta fl-isport, kien l-organizzatur tal-logħob tal-isquash fil-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar fl-1993.

“Aċċettajt għax hemm ħafna nies volontarji b’ħafna passjoni. Iddeċidejt li wasal iż-żmien li nagħti xi ħaġa lura lis-soċjetà.” Din kienet il-bażi tad-deċiżjoni li Gordon Mifsud ħa biex illum jinsab fit-tmexxija tal-isport li tant iħobb. Hu ħa t-tmexxija tal-HAM f’Lulju tal-2018, proprju s-sena li fakkret il-50 anniversarju mit-twaqqif tal-assoċjazzjoni.

L-istat tal-hockey f’pajjiżna bħalissa

Minħabba l-kariga tiegħu, ħadd aktar minn Gordon Mifsud ma jaf l-istampa kollha tal-hockey f’pajjiżna. Hu jqis li l-hockey jinsab fi stat ta’ tranżizzjoni u jħoss li dan l-isport qiegħed fil-fażi li qed jieħu t-triq fejn irid imur fil-futur. “Jien irrid li ngħollu l-kwalità fl-organizzazzjoni u r-relazzjonijiet internazzjonali. Però għandna bżonn li l-hockey jagħmel qabża f’ħafna setturi – hemm bżonn aktar kordinazzjoni u titjib fil-kwalità tal-logħob.” Mifsud hu tal-opinjoni li llum dawk involuti fl-isport iridu jkunu professjonali u kawża ta’ hekk l-assoċjazzjoni ttejjeb il-profil tagħha biex dawk li jħarsu lejn il-HAM jaraw livell ta’ serjetà.

Bħalissa, it-tim nazzjonali Malti hu attiv fil-livell tal-irġiel. Fis-settur tan-nisa bdew bl-ewwel grupp filwaqt li wieħed mill-objettiv ta’ Gordon Mifsud hu li jinħolqu t-timijiet nazzjonali taż-żgħażagħ. Hu semma kif mis-sena l-oħra bdew bil-festivals fil-kategoriji ta’ taħt l-10 snin u t-12-il sena. Dwar is-sitwazzjoni tal-umpires tal-hockey f’pajjiżna, Gordon Mifsud qal dejjem li “meta tfittex dejjem issib nies li huma lesti jgħinu. Qed nagħfsu wkoll fuq din iż-żona, b’nies qed imorru għat-taħriġ regolari barra minn Malta.”

Hu semma kif fl-aħħar tournament tal-EHF li sar f’pajjiżna, ipproponew għall-ewwel darba żagħżugħa ta’ 18-il sena biex tkun time-keeper. Hi mhux biss marret tajjeb iżda marret għal kors barra minn Malta u llum hi kkwalifikata. Mifsud semma li fl-aħħar xhur żdied is-sitt klabb li hu Marsakala Heat, b’dan il-klabb bħalissa qed jiffoka fuq iż-żgħażagħ.

“Is-sitwazzjoni tal-hockey f’pajjiżna qed toħloq entużjażmu ta’ ejja mmorru u nagħmlu l-affarijiet – għaliex in-nies għall-kwalità jagħmlu kollox. Aħna qed noħolqu l-ambjent u l-ġemellaġġ niżel tajjeb ma’ dawn in-nies. Is-sena 2021 se tkun impenjattiva ħafna u trid turi li l-isport tal-hockey qed jagħmel xi ħaġa.” Gordon Mifsud kellu kliem ta’ tifħir għal mod kif jaħdem l-Eżekuttiv tal-Hockey Association Malta. L-Eżekuttiv jikkonsisti fil-President u l-Membri eletti ġejjin mill-klabbs wara li jkunu proposti minnhom. Hu żied li dawn il-Membri jaħdmu għall-ġid tal-logħba u rnexxielhom joħolqu għan komuni li b’hekk joħloq spirtu ta’ għaqda.

Tournament internazzjonali f’pajjiżna s-sena d-dieħla

Mid-diskursata li kelli, indunajt li qed issir ħidma kbira f’dan l-isport minkejja l-limitazzjonijiet kbar. Għalhekk staqsejt lil Gordon Mifsud jekk f’dawn is-sentejn li ilu President, sarx aktar xogħol li ma jidhirx milli dak li jidher. Proprju kien hawn li l-President tal-HAM tkellem dwar il-ħidma mal-Federazzjoni Ewropea tal-Hockey fuq żewġ proġetti importanti.

Hu semma’ kif Malta ġiet magħżula biex bejn l-1 u s-7 ta’ Awwissu tas-sena d-dieħla torganizza l-European Challenge Cup. F’dan it-tournament se jieħdu sehem Ċipru, id-Danimarka, il-Finlandja, in-Norveġja, is-Slovenja, l-Iżvezja u Malta. Dan it-tournament Ewropew tar-Raba’ Diviżjoni ifisser turija ta’ fiduċja fl-Assoċjazzjoni Maltija, sfida għat-tim nazzjonali Malti filwaqt li dawn l-avvenimenti jgħinu fit-Turiżmu Sportiv u jgħinu biex Malta titpoġġa fuq il-mappa tal-hockey.

Ġemellaġġ ma’ klabb Olandiż

Jekk tournament internazzjonali li se jilqa’ sitt pajjiżi hu importanti, mhux b’inqas hi l-inizjattiva tal-Federazzjoni Ewropea tal-Hockey flimkien mal-Federazzjoni Olandiża. Dan hekk kif l-Assoċjazzjoni Maltija ġiet magħżula biex isir programm ta’ ġemellaġġ ta’ sena u nofs mal-klabb Olandiż HC Schiedam.

Dan il-klabb hu kbir fl-Olanda b’60 tim tal-hockey li jikkonsistu f’timijiet tal-irġiel, tan-nisa kif ukoll taż-żgħażagħ. Dan il-ġemellaġġ għandu jgħin biex f’pajjiżna tiġi msaħħa l-istruttura tal-kowċing, jitjieb l-iżvilupp taż-żgħażagħ u b’attenzjoni speċjali wkoll għas-settur tan-nisa. HC Schiedam hu klabb ta’ madwar 1,400 membru magħmul mill-volontarji. B’hekk l-istruttura ta’ dan il-klabb se tkun anki ta’ benefiċċju għall-Assoċjazzjoni Maltija. Huma għandhom ukoll timijiet tal-veterani li jħares ukoll biex l-adulti jibqgħu attivi fl-isport.

Dan il-ġemellaġġ kellu jibda dan ix-xahar iżda l-Covid-19 wassal biex ġew posposti xi laqgħat li kienu ppjanati. Għal dan il-programm ambizzjuż, il-Hockey Association Malta għandha tim li se jaħdem fuq dan l-aspett biss. “Hi sfida kbira u għamluha għax raw is-serjetà fina. Jekk ikun suċċess, tkun opportunità li sservi ta’ bażi għall-50 sena li ġejjin. Din l-esperjenza trid turi li l-hockey f’pajjiżna veru jrid jimxi ‘l quddiem,” kompla Mifsud.

Il-finanzi u l-proġetti immedjati

Il-pjan fil-futur immedjat u fit-tul tal-President tal-Hockey Association Malta jduru max-xewqa li l-Kumpless tal-Hockey f’Kordin isir Ċentru Internazzjonali Sportiv u jittama li dawn it-timijiet nazzjonali li ġejjin is-sena d-dieħla, jaraw potenzjal biex jibdew anki jiġu aktar frekwenti u jorganizzaw kampijiet ta’ taħriġ.

Proġett ieħor importanti għal Gordon Mifsud hu dak tal-pitch li “wasal fl-estrem tiegħu.” Assoċjazzjoni bħal dik tal-hockey ma għandix il-fondi neċessarji biex twettaq dan il-proġett u għalhekk tqum il-mistoqsija jekk jistax ikun hemm fondi minn barra l-assoċjazzjoni. “Dan il-proġett huwa urġenti u ninsabu konxji minn dan. Biex tikseb il-fondi trid tikkonvinċi lin-nies li jistħoqqlok dak li qed titlob.”

Dwar dan l-aspett, Mifsud tkellem fuq is-sitwazzjoni fix-xena internazzjonali dwar it-tip ta’ wiċċ li fuqu jintlagħab il-hockey. “Il-logħbiet tal-hockey internazzjonali jintlagħbu fuq pitch ibbażat fuq l-irrigazzjoni tal-ilma filwaqt li l-pitch tagħna hu bbażat fuq ir-ramel. Jekk inbidluh nistgħu nagħżlu. F’Laqgħa Ġenerali Annwali tal-Federazzjoni Internazzjonali fl-Indja sentejn ilu, konna iddiskutejna u jafu li l-maġġoranza għandhom problema ta’ ilma. Ilna aktar minn sena nistennew linja gwida mingħandhom.”