Lokali

Joseph Muscat jammetti li intervjena fl-arrest ta’ Fenech

L-eks Prim Ministru Joseph Muscat ammetta li kellu informazzjoni sensittiva fuq in-negozjant Yorgen Fenech u li ġiegħel lill-id il-leminija tiegħu u eks Chief of Staff Keith Schembri sabiex iċempillu dakinhar li allegatament kien se jaħrab mill-marina ta’ Portomaso.

F’kummenti lit-Times, Muscat sostna li fil-lejl ta’ bejn id-19 u l-20 ta’ Novembru li ghadda, huwa ċempel lil Schembri u talbu biex jara li Fenech ma jaħrabx. Madanakollu, farfarha billi stqarr li m’għandux idea x’kien id-diskors f’dik it-telefonata bejn Yorgen Fenech u Keith Schembri.

Filwaqt li Muscat ma żvelax mnejn ġab l-informazzjoni li Yorgen Fenech, suspettat bl-involviment tiegħu fl-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia, potenzjalment kien ser jaħrab fis-sigħat bikrin ta’ filgħodu – l-eks Mexxej Laburista stqarr li kien huwa stess li informa lill-Forzi Armati ta’ Malta b’dak li kien qiegħed jiġri.

Muscat ghamel dawn id-dikjarazzjonijiet wara li aktar kmieni din il-ġimgħa, fix-xhieda tiegħu fil-Qorti Keith Schembri ammetta li ċempel lil Yorgen Fenech ftit qabel ma seħħ l-arrest u stqarr li b’dan kollu kien infurmah Joseph Muscat.

Muscat irreżenja minn Prim Ministru lura f’Jannar kawża tal-pressjoni qawwija mill-PN u s-soċjetà ċivili – madanakollu xorta waħda għadu jaghti l-konsulenzi lill-PM attwali Robert Abela.