Lokali Qorti

Kumpens ta’ €15,000 wara li mara tilfet tarbija meta tħalliet b’garża fl-utru

L-Imħallef Francesco Depasquale ordna lill–awtoritajiet tas-saħħa biex iħallsu €15,000 f’kumpens lil mara li korriet u tħalliet b’garża fl-utru u kawża ta’ dan spiċċat biex tilfet it-tarbija. Il-każ imur lura disa’ snin.

Mill-awtopsja li saret fuq it-tarbija ħareġ li din kienet mietet fgata fl-utru, bit-terminu mediku jkun ‘intrauterine anoxia.’ Il-Qorti ddikjarat li ma ġiex pruvat li l-mewt tat-tarbija kien dovut għal xi nuqqasijiet fl-isptar iżda qalet li l-awtoritajiet tal-Mater Dei messhom kellhom id-diċenza li ammettew ir-responsabbilta.

Dorianne u Jurgen Stanicic kienu bdew proċeduri fil-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili kontra s-Supretendent tal-Isptar Mater Dei u t-Tabib Prinċipali tal-Gvern.

Huma żammew lill-awtoritajiet responsabbli kemm għall-mewt ta’ binthom kif ukoll għall-fatt li tħalliet garża ġol-omm li wasslet għall-mewt tat-tarbija u t-trawma li l-koppja għaddiet minnha wara li l-mara sarilha intervent fl-2011.

ll-mara kellha appuntament fi sptar privat fejn ma kien ntuża ebda monitor jew ultrasound. Għaldaqstant ingħatat parir biex tmur l-isptar Mater Dei.
Il-koppja qalet f’dawn il-proċeduri li għaddew minn perjodu ta’ qsim il-qalb meta tilfu lil binthom ftit qabel ma kienet waslet biex titwieled. Qalu li kien is-27 ta’ Frar 2011, erbat ijiem wara viżta fl-outpatients ta’ Mater Dei, l-omm ma baqgħetx tħoss it-tarbija tiċċaqlaq, u wara li sar ultrasound ngħataw l-aħbar li t-tarbija kienet mietet.

Kienet inġibdet garża kbira 10 ċentimetri b’10 ċentimetri mill-parti privata u minbarra li lmentat ma’ l-isptar dwar dan anke talbet raġuni għall-mewt tat-tifla fejn intqal lilha li dan seħħ minħabba nuqqas ta’ ossiġnu.

Wara ħadet l-aħbar traġika li t-tarbija kienet mejta u wara li wellduha l-mara sarulha xi punti għax iċċartet. Minkejja li espert mediku mqabbda mill-Qorti ikkonkludiet li l-mewt tat-tarbija ma kinitx naturali imma minħabba nuqqas ta’ intervent f’waqtu, esperti oħra ma qablux.

Ingħad li t-tabib li għamel l-ultrasound tefa’ dubju kemm erbat ijiem qabel il-mara kienet miftuħa ‘2’, bħal ma kienu qalulhom, għax lanqas seta’ jifqa’ l-ilma biex isir it-twelid.

Jurgen Stanicic irrakkonta l-mument ta’ qsim il-qalb meta huwa ħaddan lil bintu miegħu meta din twieldet mejta. Wara kellhom isiru xi punti lil martu, fejn qal li t-tabiba waqfet tliet darbiet milli kienet qed tagħmel biex twieġeb il-mobile, u wara qaltilhom li “mhux ta’ jdejha” u sejħet lil tabib ieħor, li kompla bil-punti.

Ir-raġel rrakkonta kif wara dakinhar il-mara baqa’ jkollha riħa tinten u baqgħet tingħata l-mediċina għax ħasbu li għandha infezzjoni, sakemm xahar wara mill-parti tagħha ħarġet garża.

Il-Perit Legali Dr Anne Portelli, li ġiet imqabbda mill-Qorti, ikkonkludiet li Stanicic kellha tinżamm l-isptar, għaliex il-file tagħha kien jitlob attenzjoni speċjali. Qalet li meta saret proċedura magħrufa bħala ‘membrane sweep’ kien ingħata bidu għall-ħlas meta hi ma kinitx għadha miftuħa biżżejjed, bil-konsegwenza li t-tarbija fgat.

Il-Qorti iżda skartat l-opinjoni tal-Perit Legali wara li semgħet ix-xhieda teknika tal-Professur Yves Muscat Baron u Dr Michelle Montanaro Gauci, fejn skont il-Qorti ma rriżultax li kien hemm nuqqas min-naħa tat-tobba jew li l-proċedura wasslet għall-mewt tat-tarbija.

Il-Qorti iżda qalet li kienet tippretendi li l-awtoritajiet tas-saħħa “kien ikollhom id-diċenza li jammettu r-responsabbiltà” għall-fatt li tħalliet garża ta’ 10 ċentimetri kwadri fl-utru tal-mara, anki għax sentejn qabel il-kawża tal-Qorti huma stess f’ittra li bagħtu lil Stanicic kienu ammettew għal dan l-iżball.

Il-Qorti għalhekk ikkonkludiet li l-koppja Stanicic kellhom jingħataw €10,000 għad-danni riżultat tal-garża, kif ukoll €5,000 għad-danni morali u psikoloġiċi.