Lokali

“L-OHSA m’għandhiex viżibilità adegwata fuq numru ta’ proġetti żgħar” – NAO

“L-OHSA m’għandhiex viżibilità adegwata fuq numru ta’ proġetti żgħar li xorta waħda jistgħu joħolqu riskju sinifikanti relatati mas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol”. Dan ġie spjegat mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika (NAO) fir-rapport fuq l-analiżi li saret lura fl-2016 fuq l-operazzjonijiet tal-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol.

Dan ir-rapport twettaq sabiex jistabbilixxi l-progress reġistrat mill-OHSA fl-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet imressqa fir-rapport tal-2016. Minn dan l-istudju, l-NAO tenna r-rakkomandazzjoni li r-rekwiżiti stabbiliti li jridu jintlaħqu sabiex l-Awtorità tiġi notifikata f’każi ta’ kostruzzjoni għandhom jiġu riveduti.

Speċifikament, l-NAO huwa tal-opinjoni li dawn ir-rekwiżiti huma għoljin ħafna meta tikkonsidra l-iskala ta’ proġetti madwar il-pajjiż.

Għaldaqstant ġie spjegat li l-OHSA qed tinjora l-proġetti ż-żgħar bil-konsegwenza li xorta waħda jistgħu joħolqu riskju sinifikanti relatati mas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol. Dan l-istudju sab ukoll li, kuntrarju għal dak li kien propost fl-2016, ir-responsabbilità legali biex jiġi appuntat Project Supervisor biex jissorvelja s-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol fuq proġetti ta’ kostruzzjoni, għadha assenjata lill-klijent.

Ġie spjegat li meta wieħed jikkunsidra li klijent mhux dejjem ikollu għarfien adegwat fuq is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol, l-NAO għadu jsostni li r-responsabbilità legali biex jiġi appuntat Project Supervisor għandha tiġi trasferita fuq partijiet interessati oħra li huma teknikament iktar familjari mas-suġġett.

Għaldaqstant, dan l-uffiċċju sostna r-rakkomandazzjoni li l-Awtorità għandu jkollha reġistru uffiċjali ta’ Project Supervisors kompetenti u li dawn għandhom ikunu l-uniċi individwi li legalment jistgħu jiġu appuntati sabiex iservu dan ir-rwol.

Dan filwaqt li l-NAO spjega li l-OHSA m’għandhiex Management Information System (MIS) adegwata u dan qed iwassal għal tnaqqis fl-effiċjenza li biha l-Awtorità tista taqdi diversi funzjonijiet tal-ispettorat tagħha.