Lokali Parlament

L-Ombudsman mhux konsultat

Claudette Buttigieg, PN

Id-deputat Nazzjonalista Claudette Buttigieg qalet fil-parlament li l-Ombudsman mhux qed jiġi konsultat fuq riformi marbutin ma’ dak li qalet il-Kummissjoni Venezja.

Dan hu nuqqas għaliex il-Gvern mhux jagħti kas dak li qed jgħid l-Ombudsman, li se jkollu r-rowli tiegħu imminati. L-opinjoni tal-Ombudsman m’għandhiex tkun injorata, sostniet id-deputat Nazzjonalista.

Claudette Buttigieg semmiet ir-rapport tal-Omdusman fejn qalet li dan hu dokument b’saħħtu li għandu jkun diskuss. L-Ombudsman kellu kliem iebes u jsostni li l-2019 kienet sena ta’ inċertezza u ferment li ġabet tibdil drastiku fis-soċjetà.

L-Omdusman tkellem ukoll dwar l-avvenimenti li seħħew fl-aħħar tal-2019 u jsostni fuq l-importanza li jittieħdu passi urġenti. Dawn il-passi urġenti għadhom iridu jittieħdu, sostniet Claudette Buttieig, li sellmet lis-soċjetà ċivili għall-azzjonijiet tagħha u għall-fatt li jkollha kliem ta’ kritika kemm għall-Gvern kif ukoll għall-Oppożizzjoni.

Din il-kritika hi essenzjali għall-politiċi, sostniet Claudette Buttiieg, li rringrazzjat lil min jikkritikaha b’mod kostruttiv u regolari.

Id-deputat Nazzjonalsta kompliet li l-Omdubsman jgħid li kienet il-ħeġġa tal-azzjonijiet voċiferi tas-soċjetà ċivili li kienu wara l-avvenimenti drammitiċi li seħħew. L-Ombudsman isostni wkoll li kienu dawn il-passi li wasslu biex taqa’ l-amministrazzjoni li kellha appoġġ mill-elettorat. Dan mhux l-ewwel rapport iebes tal-Ombudamsn iżda hu wieħed mill-iktar rapporti iebsa li jinsistu fuq governza tajba.

Id-deputat Nazzjonalista qalet li l-Omdubsamn jinsisti li r-riformi jridu jsiru biex ibiddlu l-amministrazzjoni pubblika biex il-ħidma issir fl-interess nazzjonali u mhux favur ftit korrotti. Riformi kosmetiċi jwasslu biex isir iktar deni milli ġid.