Lokali

L-Oppożizzjoni Montenegrina titlob lill-Gvern biex jispjega l-mawriet li għamel Muscat f’pajjiżhom

Iridu li l-PM Montenegrin jaħlef li ma’ kellu x’jaqsam xejn mal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia wara l-aħħar rivelazzjonijiet

F’dokument uffiċjali l-Oppożizzjoni fil-Montenegro saħqet li l-aħħar informazzjoni li ġiet irrapportata fil-midja internazzjonali b’rabta mal-windfarms f’Mozura, tirrikjedi Kumitat ta’ Inkjesta Speċjali sabiex isiru l-investigazzjonijiet meħtieġa dwar dan id-deal.  

Fi kliemhom, dan il-ftehim għandu konnotazzjonijiet kriminali (high level corruption organizations) u pajjiżhom iċċappas ma’ persuni politiċi li diġà kellhom jagħtu r-riżenji tagħhom fosthom l-eks Prim Ministru ta’ Malta, Joseph Muscat.

Nebojša Medojević, il-Kap tal-Oppożizzjoni fil-Montenegro, sfida lill-Gvern fil-parlament sabiex jaħlef pubblikament li ma kellhom x’jaqsam bl-ebda mod mal-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia wara li feġġew rabtiet evidenti bejn il-proġett tal-windfarms u Yorgen Fenech, in-negozjant li jinsab akkużat b’kompliċità fl-omiċidju tal-ġurnalista, u Joseph Muscat.

Il-Prim Ministru Montenegrin, Duško Marković, ġie mistoqsi sabiex jiċċara u jispjega dwar xiex kienu jiddiskutu hu u Muscat ftit qabel l-qtil makabru ta’ Daphne Caruana Galizia. Medojević staqsa wkoll jekk il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin tal-Montenegro jistax jaħlef li l-eks konslu għal Malta fil-Montenegro, Tiziano Mousu, ma kienx involut fil-qtil tal-ġurnalista.

Ta’ min wieħed jinnota li dan tal-aħħar kien essenzjali sabiex Vitals Global Healthcare u sussegwentament Steward Healthcare laħqu ftehim għall-isptarijiet pubbliċi fil-Montenegro – simili ħafna bħal ma seħħ proprju fil-Gżejjer Maltin.

Wara li l-esperjenza ta’ Mousu intemmet, Muscat għażel proprju l-ħabib tiegħu Karl Izzo sabiex ikun is-suċċessur tiegħu – il-kowċ tat-tim nazzjonali tal-waterpolo, mingħajr ebda esperjenza diplomatika.   

Medojević insista li Joseph Muscat huwa ferm qrib it-tmexxija tal-President tal-Azerbaijan Ilham Aliyev, tant hu hekk li Muscat preżentament huwa membri ta’ think tank governattiv Azeri.

Għaldaqstant, kawża tal-fatt li l-Gvern Montenegrin kellu relazzjoni fil-qrib ta’ Aliyev, il-Kap tal-Oppożizzjoni talab lill-Gvern sabiex jaħlef pubblikament li l-omiċidju ta’ Daphne Caruana Galizia ma kellu x’jaqsam xejn mar-relazzjoni li kellhom iż-żewġ pajjiżi.

Medojević saħaq li l-poplu Montenegrin għandu kull dritt ikollu t-tweġibiet għal dawn il-mistoqsijiet leġittimi li qed isirulu – kif ukoll il-familja tal-ġurnalista.