Ambjent Lokali Sport Sport Ieħor

Malti se jipprova jaqsam il-fliegu ta’ bejn Sqallija u Malta

Ritratt: Kurt Arrigo

Att inkredibbli u estrem se jseħħ għada l-25 ta’ Ġunju. Għawwiem, olimpjan, u attivist Malti kontra t-tniġġis tal-plastik fil-baħar se jkun qed jgħum minn Sqallija għal Malta. L-għawma se tieħu madwar 35 siegħa ta’ għawm bla waqfien, għal total ta’ 100km. Din l-isfida ta’ baħar miftuħ se tkun is-sitt l-itwal għawma fl-ilma baħar li qatt ġiet irrekordjata globalment fil-Kategorija Newtrali preżenti, skont il-Marathon Swimming Foundation. Ir-raġel involut f’din l-isfida huwa Neil Agius, li hu magħruf għar-rekord tal-ewwel għawma bla waqfien madwar il-gżejjer Maltin. Il-passjoni u r-rieda ta’ Neil huma bla paragun. Għan personali mwaħħad mal-imħabba tiegħu għall-baħar kienu strumentali biex iwaqqfu ‘Wave of Change’—moviment li jenfasizza l-problemi tat-tniġġis tal-plastik fl-ibħra tagħna. L-iskop ta’ Wave of Change hu li jiżdied l-għarfien u jiġu mgħallma n-nies, speċjalment it-tfal, dwar il-problema tat-tniġġis tal-baħar mill-plastik. Neil jemmen li dawn l-isfidi se jgħinu biex joħolqu moviment aħjar u biex jinbena biżżejjed għarfien biex jikonraġġixxi liż-żgħażagħ biex ikunu huma l-bidla u jieħdu azzjoni. Bidliet żgħar jagħmlu differenza kbira.

L-għawma se tibda fis-6 ta’ filgħodu tal-25 ta’ Ġunju minn Punta di Braccetto f’Ragusa mill-kosta tan-nofsinhar ta’ Sqallija,  u se tispiċċa l-Ġimgħa, is-26 ta’ Ġunju għall-ħabta tal-4 ta’ waranofsinhar fil-pixxina ta’ San Ġiljan f’Malta—il-klabb tal-għawm fil-belt fejn jgħix Neil. Neil se jkun qed jgħum għal aktar minn 30 siegħa in fila mingħajr ebda possibbiltà li jistrieħ jew li jmiss dgħajsa jew floater ta’ kwalunkwe tip. Neil se jkun akkumpanjat minn ekwipaġġ ta’ professjonisti u ħbieb li se jkunu qegħdin ibaħħru miegħu fuq 3 dgħajjes biex jgħinuh bil-preparamenti kollha, nutrizzjoni speċjali, u f’każ ta’ kwalunkwe tip ta’ emerġenza. L-ekwipaġġ ta’ 18-il persuna li se jingħaqdu miegħu se jinkludi Direttur tat-Tiġrija u Arbitru biex jiżgura li r-regoli kollha jiġu mħarsa, tobba, handlers (biex jassistu fir-rigward ta’ ikel likwidu speċjali u ilma), motivaturi (biex jgħinuh jibqa’ ffukat u biex jissorveljawh), bdoti tal-baħar, kif ukoll membri tat-tim oħra biex jiżguraw li Neil jibqa’ sikur matul l-għawma. Għalkemm l-isfida hija dik ta’ għawma bla waqfien, Neil irid iżomm l-idrazzjoni tiegħu fi stat tajjeb u se jkollu jieqaf kull nofs siegħa biex jiekol sabiex ikollu biżżejjed kaloriji biex jibqa’ għaddej. Neil se jgħum matul il-lejl fi dlam ċappa però se jkollu glow sticks biex ikun viżibbli għall-membri tal-ekwipaġġ kif ukoll dgħajjes oħra fil-viċinanzi.

Apparti minn theddid ovvju li wieħed isib fil-baħar miftuħ, bħal klieb il-baħar, bram, u kundizzjonijiet ta’ temp ħżiena, Neil se jkun ukoll qed jikkumbatti sfida mentali kontinwa. L-itqal parti għal Neil se tkun biex imantni ġisem u moħħ b’saħħtu matul l-għawma. L-aktar problemi komuni affaċċjati matul sfidi tal-ilma baħar miftuħ bħal din jinkludu deidrazzjoni, ħruq minn xemx eċċessiva u, finalment, ilma mielaħ. Ilma mielaħ jista’ jkun perikoluż u, f’każijiet estremi, xi għawwiema ta’ distanzi twal fl-ilma baħar miftuħ saħansitra tilfu wkoll tessuti tal-ġisem delikati bħall-ilsien minħabba espożizzjoniji fit-tul għalih. Naturalment, Neil se jieħu l-prekwazzjonijiet neċessarji kollha u ilu jagħmel taħriġ rigoruż għal diversi xhur, iżda t-tħassib jibqa’ hemm, sepċjalment għal sħabu u familtu.

Ritratt: Kurt Arrigo