Lokali

Mara arrestata fil-pussess tad-droga kokaina u eroina

Ritratt: Mill-Arkivji

Il-ħidma mill-Iskwadra tal-Pulizija ta’ Kontra d-Droga kompliet fis-sigħat li għaddew, b’qabda oħra ta’ droga kokaina u eroina.

Mara ta’ 30 sena residenti l-Imsida, aktar kmieni dalgħodu kienet arrestata fl-akwati tal-Pixkerija, fil-Belt. Assistiti mill-Pulizija tar-Rapid Intervention Unit, il-Pulizija mill-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga, għall-ħabta tal-10.30, waqqfu vettura li fiha kien hemm il-mara.

Minn tfittxija li saret, il-Pulizija sabu 72 pakkett b’sustanza suspettata li hija kokaina u eroina. Il-mara ttieħdet fil-lock-up tal-Pulizija fil-Floriana għall-aktar stħarriġ.

Bis-sejba kien infurmat il-Maġistrat tal-għassa Ian Farruġia, li qed imexxi Inkjesta. L-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar dan il-każ għadhom għaddejjin.

Il-mara mistennija titressaq il-Qorti għada u tkun akkużata bil-pussess tad-droga eroina u kokaina, bl-intenzzjoni li titraffikaha.