Manchester United irritornaw għar-rebħ meta għelbu lil Sheffield United 3-0 f’Old Trafford u jinsabu żewġ punti taħt Chelsea b’logħba aktar. L-eroj għar-Red Devils kien Anthony Martial li skorja t-tliet gowls. Il-Franċiż fetaħ l-iskor wara seba’ minuti meta kompla għal ġewwa kross mil-lemin ta’ Marcus Rashford. Hu rdoppja fl-44 minuta wkoll b’xutt mill-ewwel, din id-darba minn kross ta’ Aaron Wan-Bissaka. Martial għaqqad it-tripletta fl-74 minuta meta qabbeż minn fuq il-gowlkiper Simon Moore.
Wolves ukoll rebħu f’darhom iżda 1-0 kontra Bournemouth. Is-solitu Raul Jimenez skorja l-gowl tar-rebħa mas-siegħa logħob b’daqqa ta’ ras stupenda minn kross mil-lemin ta’ Adama Traore.
Everton kisbu riżultat ieħor pożittiv wara li għelbu lil Norwich f’Carrow Road, b’tal-aħħar jidhru destinati għar-relegazzjoni. Michael Keane ddeċieda l-konfront b’daqqa ta’ ras fil-55 minuta.
Newcastle u Aston Villa spiċċaw fi draw ta’ 1-1. Newcastle fetħu l-iskor fit-68 minuta permezz ta’ Dwight Gayle wara kross fil-baxx ta’ Andy Carroll. Aston Villa ġabu d-draw fit-83 minuta b’gowl ta’ Ahmed El Mohamady minn korner mix-xellug.
//= $special ?>