Lokali

Min kien jaf bid-deal tal-Montenegro?

Huwa evidenti li l-iskandlu tal-Montenegro qasam il-Kabinett ta’ Robert Abela, bil-Prim Ministru jibqa’ jiddefendi l-azzjonijiet ta’ Joseph Muscat.

Minkejja li Abela qed joħroġ għonqu għal Muscat, mhux l-istess qed jagħmlu numru ta’ Ministri fil-Kabinett, fosthom Michael Falzon li għal mistoqsija diretta tagħna dwar Joseph Muscat, dawwar id-diskors fuq il-Partit Laburista, biex żġur ma jgħidilnix kif verament iħossu bl-eks Prim Ministru fil-grupp parlamentari Laburista.

Mid-deal tal-windfarms fil-Montenegro – li warajh kien hemm Joseph Muscat u Konrad Mizzi – is-sid ta’ 17 Black, Yorgen Fenech daħħal €4.6 miljun fi profitti. Dan ħareġ minn evidenza żvelata mill-Aġenzija Reuters u mit-Times of Malta.

Skont il-Ministru Falzon, dan id-deal qatt ma kien diskuss fil-Kabinett u allura wieħed jistaqsi kif u għalfejn dan kollu sar minn wara dahar il-Kabinett meta x-xiri tal-windfarms fil-Montenegro sewa l-miljuni mit-taxxi tagħna.

Sa issa għadu mhux car x’tip ta’ investigazzjoni saret mill-Pulizija dwar dan id-deal skandaluż. Jidher iżda li f’dan kollu iddaħħlu anke l-Europol; xiehda ta’ kemm huwa gravi dan l-iskandlu li fih hemm imdaħħla direttament Kastilja.