Lokali Parlament

Muscat iħossu urtat b’diskors dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia

L-ex Prim Ministru Joseph Muscat ressaq ksur ta’ privileġġ għax ħassu urtat b’diskors tad-deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi, li sostna li hu kien jaf li kien hemm pjan biex tinqatel il-ġurnalista Daphne Caruana Galizia u għalhekk sejjaħ elezzjoni bikrija fl-2017. Muscat ċaħad din l-allegazzjoni.

Fil-parlament Joseph Muscat qal li politiku jrid jibqa’ jaqla’ ġo fih u jħalli l-libertà tal-espressjoni. Hu qal li dalgħodu ġie mgħajjar giddieb, ħalliel u kliem ieħor minn Jason Azzopardi. Muscat kompla li f’dan id-diskors hu assista għall-iktar każ ta’ użu diżgustanti tal-privileġġ parlamentari fejn id-deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi għamel gidba inġurjuża u malafmati għall-aħħar fil-konfront tiegħu li m’għandha ebda bażi.

Le-x Prim Ministru qal li Jason Azzopardi qal li hu kien sejjaħ elezzjoni bikrija fl-2017 mhux minħabba Egrant iżda għax hu u “l-kompliċi krorotti tiegħu” kienu se jinkixfu minn Daphne u li hu kien sar jaf li kien hemm pjan biex tinqatel Daphne u allura ried bilfors jeħles l-elezzjoni.

Hu qal li qed ikun allegat li hu kien jaf li se tinqatel Daphne. Ħadd ma jiġġustifika li persuna jkun inċappas b’dan il-ħlief mill-fantasija ta’ Jason Azzopardi,sostna Joseph Muscat, li kompla li ħadd mhu se jħammġu f’sitwazzjoni li hi intollerabbli. Muscat qal li Jason Azzopardi kien jibgħatlu messaġġi biex ma jattakax fuq kwistjonijiet partikolari u personali u sostna li hu wkoll l-uniku Prim Ministru li taħtu ġie solvut każ maġġuri ta’ qtil.