Lokali

“Neħħi lil Muscat qabel ikun tard wisq” – Adrian Delia

Robert Abela għandu immedjatament ineħħi lil Joseph Muscat mill-Grupp Parlamentari Laburista qabel ikun tard wisq.

Hekk stqarr il-Kap tal-PN Adrian Delia wara li lbieraħ kien hemm it-tneħħija ta’ Konrad Mizzi wara li l-PN kien ilu snin jitlob għar-riżenja tiegħu.

“Issa Robert Abela jrid iħoll lil pajjiżna mill-kuntratt li jorbotna lkoll inħallsu 100 miljun jekk Vitals/Stewards ifallu; Irid iħollna mill-kuntratt li jħalli l-Electrogas tisraq lil poplu miljuni minn fuq il-kontijiet tad-dawl u l ilma fis-sena; Irid iġib lura l-miljuni misruqa fl-iskandlu Montenegro”.

Adrian Delia saħaq li issa hemm bżonn jiġi investigat kull kuntratt li ħadem fuqu Konrad Mizzi, jaċċerta li jħallas għal għemilu u jrodd flusna lura.

“Issa Robert Abela jrid ineħħi lil dak li għażel, bierek, laħħaq, iddefenda bla heda, pjana, siefer miegħu, u qabbad lill Konrad Mizzi jintrabat f’dawn il-kuntratti korrotti. Issa Robert Abela jrid ineħħi lil Joseph Muscat jew għal darboħra jbierku u jibqa’ jiddefendih. Bi ħsara għal pajjiżna. Bi ħsara għal Malta. Qabel ma jkun tard wisq.”