Knisja Lokali

Ordinazzjoni ta’ għaxar saċerdoti u erba’ djakni ġodda

Għaxar saċerdoti u erba’ djakni se jingħataw l-Ordinazzjoni presbiterali u djakonali rispettivament mill-Arċisqof Mons Charles Scicluna fil-jiem li ġejjin.

L-Ordinazzjoni djakonali se ssir is-Sibt fil-Knisja Parrokkjali ta’ Santa Katerina fiż-Żejtun fid-9.30 a.m.

L-Erba’ djakni ġodda huma: Roderick Baldacchino u Jean-Claude Schembri mill-Parroċċa Santa Katerina taż-Żejtun, Joshua Cortis mill-Parroċċa San Gejtanu, il-Ħamrun u Mark Scicluna tal-Ordni tal-Aħwa Minuri Kapuċċini.

L-Ordinazzjoni tal-għaxar saċerdoti ġodda se ssir it-Tnejn 29 ta’ Ġunju il-Festa ta’ San Pietru u San Pawl, fil-Knisja Parrokkjali ta’ Kristu Re, f’Raħal Ġdid, fis-6.30p.m. L-għaxar djakni li se jkunu ordinati saċerdoti huma: Osmar Baldacchino mill-Parroċċa ta’ San Nikola, is-Siġġiewi, David Borg mill-Parroċċa tal-Madonna tal-Grazzja, Ħaż-Żabbar, Christopher Bugeja mill-Parroċċa ta’ San Pawl, ir-Rabat, Andrew Camilleri mill-Parroċċa ta’ Santa Katerina, iż-Żurrieq, Jonathan Debattista mill-Parroċċa Marija Annunzjata f’Ħal Tarxien, Michael Debono, Ġiżwita, Tony Pace mill-Parroċċa tal-Konverżjoni ta’ San Pawl, Ħal Safi u Damian John Formosa, Jake Mamo u Paul Spiteri, Salesjani ta’ Don Bosco.

Iż-żewġ ċerimonji se jixxandru fuq Knisja.mt u fuq ix-xandir nazzjonali.