Lokali Qorti

Ordnat iħallas €78,000 lill-familja ta’ raġel li miet wara ħabta f’Ħal Luqa fl-2013

Żagħżugħ mill-Ħamrun li llum għandu 25 sena, u li sentejn ilu ngħata ċans mill-Maġistrat, illum Imħallef Consuelo Scerri Herrera biex jissokkta b’ħajtu mingħajr ma jintbagħat il-ħabs wara li f’Ħal-Luqa kien qatel raġel f’inċident tat-traffiku ġie ordnat jħallas €78,000 f’kumpens lill-familjari tal-vittma.

Il-Qorti kienet qieset diversi fatturi fis-sentenza tagħhom fosthom il-kondotta nadifa ta’ Ayrton D’Amato Quintano u l-età tenera tiegħu, Dan wara li ammetta li kkaġuna l-mewt ta’ Filomeno Bonavia kważi seba’ snin ilu. Huwa kien ġie kkundannat sena ħabs sospiża għal sentejn u multa ta’ €2,000.

Il-każ imur lura għall-21 ta’ Settembru 2013, meta Ayrton D’Amato Quintano, li dak iż-żmien kellu 19-il sena, kien qed isuq karozza Jaguar fi Triq l-Imgieret ħdejn it-telgħa tal-Għammieri viċin ir-Residenza San Vinċenz de Paule.

D’Amato kien qed itellaq f’din it-triq kontra sewwieq b’karozza BMW. L-inċident seħħ meta l-Jaguar baqgħet dieħla ġo vann pick-up misjuq minn Filomeno Bonavia ta’ 55 sena mill-Mosta, li nzerta għaddej mill-istess triq.

Il-Qorti tal-Maġistrati kienet ukoll ikkunsidrat il-fatt li D’Amatio Quintano kien ikkopera mal-Pulizija, u li kien sofra minn trawma kawża ta’ dak li seħħ. Huwa kien tpoġġa wkoll taħt ordni ta’ probation għal sentejn u kellu l-liċenzja tas-sewqan sospiża għal sena.

L-armla tal-vittma, Sylvana Bonavia, flimkien ma’ uliedha Gilbert, Aaron u Charlotte, fetħu kawża fil-Prim Awla tal-Qorti Ċivili li nstemgħet mill-Imħallef Lawrence Mintoff.

Huwa żamm liż-żagħżugħ responsabbli tal-inċident u anke irrimarka kif huwa kien għaddej b’veloċita sfrenata li ġab fi tmiem il-ħajja ta’ raġel tal-familja. Kien għal din ir-raġuni li ordnalu jagħti lill-familja Bonavia kumpens ta’ €78,000.