Internazzjonali

Pakistan: Tiġrif ta’ ajruplan kien dovut għal ‘żball uman’

It-tiġrif ta’ ajruplan tal-Pakistan International Airlines (PIA) li seħħ fit-22 ta’ Mejju f’Karachi rriżulta minn ‘żbalji tal-pilota u l-kontrolluri tat-traffiku tal-ajru’, skont rapport inizjali dwar id-diżastru. Il-Ministru Pakistani tal-Avvjazzjoni, Ghulam Sarwar Khan, li kien qed jelabora fuq ‘l-element ta’ żball uman’, tenna wkoll li l-pilota u l-kontrolluri naqsu milli jsegwu l-protokoll stabbilit waqt it-titjira.

Khan, li kien qed jitkellem fil-Parlament, qal ukoll li l-pilota u l-ko-pilota fuq l-ajruplan kienu ‘aljenati huma u jiddiskutu l-coronavirus’ – bl-ajruplan, ftit wara, jiġġarraf fuq id-djar fl-inħawi ta’ Karachi. F’din it-traġedja salvaw b’ħajjithom biss żewġ passiġġieri fost id-99 persuna fuq l-ajruplan.

Dakinar, l-ajruplan – Airbus A320 —  kien fi triqu lejn Karachi minn Lahore meta kraxxja direttament għal ġo zona residenzjali waqt tentattiv għall-inżul fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Jinnah.

Il-Ministru Khan qal li l-ajruplan ma kellu l-ebda problemi inzjali u li l-pilota, ftit qabel it-traġedja, naqas milli jsegwi l-proċess għall-inżul kif suppost, bl-ajruplan jgħaddi max-xifer tal-mitjar qabel tela’ mill-ġdid fl-ajru.

Imbagħad, hekk kif l-Airbus kien qed iħejji t-tieni tentattiv għall-inżul, il-kontrolluri tat-traffiku tal-ajru (skont ir-rakkont tal-Ministru) naqsu milli jinfurmaw lill-pilota li l-magni tal-ajruplan kienu ġarrbu l-ħsarat fil-manuvra inizjali.

Fil-każ issemma wkoll ‘element ta’ kunfidenza żejda’ min-naħa tal-pilota, bil-Ministru Khan iwiegħed li rapport sħiħ tal-investigazzjoni dwar il-każ għandha tkun ippreżentata fi żmien sena. Ir-rapport inkwistjoni għandu jinkludi dettalji ta’ rekording li ttieħed waqt li l-Airbus kien qed javviċina l-ajruport ta’ Karachi.