Lokali

Patri Karmelitan jitlef ħajtu fil-bajja tal-Exiles f’Tas-Sliema

Huwa Patri Victor Enriquez, ir-raġel ta’ 75 sena minn Tas-Sliema li sfortunatament tilef ħajtu waqt li kien qiegħed jgħum fil-Bajja tal-Exiles.

Il-każ seħħ l-Erbgħa filgħodu wara li xi persuni lemħu persuna wiċċha ‘l isfel fil-baħar. Minnufih ġew msejħa fuq il-post tim mediku tal-ambulanza u uffiċjali tal-Pulizija mill-Għassa ta’ San Ġiljan, fejn hemmhekk, minkejja li ġie amministrat ukoll CPR il-Patri Karmelitan ġie ċertifikat mejjet fuq il-post.

Mill-ewwel investigazzjonijiet li saru rriżulta li Enriquez x’aktarx sab ruħu f’diffikultà waqt li kien qiegħed jgħum.

Bil-każ infetħet inkjesta mmexxija mill-Maġistrat Josette Demicoli li ħatret diversi esperti sabiex jassistuha. L-investigazzjonijiet dwar dan il-każ mill-Pulizija tad-Distrett għadhom għaddejjin.

Bosta persuni esprimew ix-xokk tagħhom għall-mewta ħabta u sabta tiegħu filwaqt li sellmu l-memorja ta’ Patri Enriquez fejn ġie deskritt bħala raġel li ta ħajtu sabiex ixandar il-kelma ta’ Alla u li dejjem ħareġ l-id tal-ħbiberija u l-karità għal dawk fil-bżonn.