Lokali Qorti

Piena ta’ ħames snin ħabs għal eks nutar fuq frodi titnaqqas b’sena

Eks nutar li sentejn ilu kien ġie kundannat ħames snin ħabs wara li nstab ħati li ffroda diversi klijenti tiegħu kellu s-sentenza tiegħu mnaqqsa b’sena mill-Qorti tal-Appell.

L-Imħallef Consuelo Scerri Herrera xorta saibtu ħati li għamel dikjarazzjonijiet foloz u ta’ miżappropjazzjoni u li kiser id-doveri uffiċjali tiegħu bħala nutar u ordnatlu jħallas ukoll il-flus lura lil dawk li kien iffroda f’diversi każijiet.

Il-Qorti kkonfermat ukoll interdizzjoni perpetwa fil-konfrot tiegħu u l-konferma tat-telfien tal-warrant ta’ nutar. In-nuqqas ta’ sena mis-sentenza saret peress li sakemm ħarġu l-akkużi fil-konfront tiegħu u waqt il-kawżi huwa ħallas lil uħud minn dawk li ġew iffrodati. Huwa kellu jrodd lura mill-anqas €90,000.

L-eks nutar Pierre Falzon kellu jċedi l-warrant tiegħu ta’ nutar fl-2016 wara każ separat ta’ miżappropjazzjoni. F’sentenza ta’ 108 paġna tal-Qorti tal-Appella ssemmew diversi persuna li ġew migduma mill-eks nutar.

Każijiet li jinkludu trasferimenti ta’ flus ta’ klijenti fil-kont tal-mara tiegħu. Oħrajn li kienu ħallsuh eluf ta’ ewro f’ħlasijiet ta’ taxxi, suċċessjoni u miżati fuq propjetà u li skoprew snin wara li l-ħlasijiet tagħhom ma kienux saru min-nutar.

F’każ minnhom, depożitu ta’ €12,800 fuq propjetà kienġie depożitat fil-kont bankarju tal-mara ta’ Falzon f’Lulju tal-2010. Meta l-fondi kienu meħtieġa ċekk inħareġ kif suppost ma setax jissarraf għax ma kienx hemm fondi.

Il-Qorti sabet li minn dawn, kien hemm 17-il każ ta’ frodi li jinvolvu lill-eks nutar u li kienu qed jiġu investigati mill-Pulizija. F’investigazzjoni minnhom, il-Pulizija sabet li Pierre Falzon kien ukoll involut fl-iffalsifikar ta’ firem ta’ medjatur u Imħallef f’każ ta’ separazzjoni.

Madankollu dawn l-akkużi keinu twaqqgħu fl-ewwel Qorti li kienet qalet li setgħet biss tispekula dwar min kien l-awtur ta’ dawn il-firem foloz. Il-Qorti tal-Appell fis-sentenza tagħha qalet li kienet qed temfasizza li l-aġir tal-eks Nutar fejn qalet li kien wieħed deplorabbli u li ma jagħmilx ġieh lill- professjoni notarili.

“Numru kbir ta’ persuni bagħtew konsegwenzi serji riżultat tal-agir tiegħu. Huwa kien uffiċjal pubbliku meta kkometta r-reati in u li għalhekk persuna fdata mis-soċjetà fejn partijiet jagħżlu li fost oħrajn jħallu d-depożitu fuq konvenju man-Nutar minflokk ma jgħadduh lil venditur u dan peress li jkollhom ċertu fiduċja fin-Nutar.

“Ċertament li wieħed ma jistenniex li se jingidem mill-istess Nutar li suppost kellu jissalvagwarda l-interessi taż-żewġ partijiet bħal każijiet fejn meta jirċievi flejjes destinati sabiex per eżempju titżallas taxxa, u dan ma jsirx”

Il-Qorti kompliet tgħid li ċertament li l-agir tiegħu tefaż dell ikrah fuq il-professjoni notarili. Il-Qorti tal-Appell qalet li kienet qed tieħu konsiderazzjonoi tal-fatt li qabel ma nħargu l-akkużi u waqt il-proċeduri Pierre Falzon kien ħallas lura xi flejjes.

F’xi waqtiet ukoll gew anke reġistrati l-kuntratti u taxxa mhallsa minn naħa tiegħu u għalhekk dan għandu jittieħed kont għall-piena. Il-Qorti qalet li fil-każ ta’ frodi, il-piena stabbilita titnaqqas bi grad jew b’żewġ gradi, kemm-il darba l-ħati, qabel ma tibda titmexxa xi proċedura kriminali kontra tiegħu, jrodd għal kollox il-ħsara kkaġunata bir-reat.

Ghalhekk dan l-artikolu japplika ghal dawk l-akkużi fejn mill-atti rriżulta li rrifonda lura dak dovut qabel ma nbdew dawn il-proċeduri. Jirriżulta iżda li minkejja li dawn il-proċeduri ilhom għaddejin snin twal, il-ħati baqa ma ħallas lura dak kollu dovut. Il-Qorti f’dan il-kuntest ordnatlu biex iħallas lil persuni li baqghu ma thallsux.