Lokali

Raġel imut fid-Depot ftit sigħat wara li nżamm waqt ronda tal-RIU

Raġel ta’ 35 sena residenti l-Imtarfa miet matul dan il-lejl taħt il-kustodja tal-Pulizija fil-Kwartieri Ġenerali fil-Furjana.

Fi stqarrija, il-Pulizija qalet li kien għall-ħabta tal-3.40a.m. li pulizija stazzjonati fil-lock-up indunaw li persuna li kienet qed tinżamm hemmhekk kellha bżonn assistenza medika hekk kif deher li tah attakk

Minnufih ingħatat l-assistenza medika u anke intużat AED. Mal-wasla ta’ tim mediku, dawn komplew jassistu lill-persuna iżda minkejja kull tentattiv, ir-raġel sfortunatament tilef ħajtu.

Ir-raġel kien twaqqaf iktar kmieni matul il-lejl mill-Pulizija tal-RIU li kienu fuq ronda u wara li qajmilhom suspett u waqqfuh, saritlu tifttxija fejn instab fil-pussess ta’ sustanza allegatament droga.

Il-Maġistrat tal-Għassa Josette Demicoli fetħet inkjesta u ħatret xi esperti biex jassistuha. L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.

Il-Partit Nazzjonalista isejjaħ għal inkjesta indipendenti

Sadanittant, permezz ta’ stqarrija iffirmata mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar l-Intern Beppe Fenech Adami, il-PN sejjaħ biex immedjatament titwaqqaf inkjesta indipendenti biex jiġi stabbilit x’wassal għal din il-mewt, setgħetx tiġi evitata, min kien responsabbli illi jara li ttieħdu l-prekawzjonijiet kollha biex tiġi mħarsa saħħet din il-persuna waqt l-arrest tagħha kif ukoll biex jiġi aċċertat illi ġew osservati l-protokolli u l-liġijiet kollha waqt dan l-arrest.